Saturday, December 28, 2024

Il-Pulizija Portugiża titlob skuża lill-ġenituri ta’ Madeleine McCann 

Aqra wkoll

Il-Pulizija Portugiża skużat ruħha mal-ġenituri ta’ Madeleine McCann għall-mod kif trattaw l-għajbien tagħha. Madeleine kienet sparixxiet mill-kumpless turistiku f’Algarve f’Mejju tal-2007. Dak iż-żmien hija kellha tliet snin.  

Delegazzjoni ta’ uffiċjali għolja kienu vvjaġġaw minn Lisbona għal Londra aktar kmieni din is-sena fejn iltaqgħu ma’ Gerry McCann, missier Madeleine u talbuh skuża għall-mod kif l-investigaturi trattaw il-każ u anke lill-familjari. Il-familja McCann ma kkummentatx dwar din l-apoloġija, filwaqt li l-każ tal-għajbien ta’ binthom għadu mhux solvut. 

F’Settembru 2007, erba’ xhur wara li għebet Madeleine, Kate u Gerry McCann kienu saru “suspettati” fl-investigazzjoni Portugiża li kienet għaddejja. It-tnejn li huma kienu interrogati mill-uffiċjali li sa dak il-ħin kienu jemmnu li kienu huma li ffabbrikaw il-ħtif u saħansitra ħbew il-katavru ta’ Madeleine. 

Is-Sinjura McCann saħansitra qalet li ġiet offruta ftehim biex tammetti li kienet iffabbrikat il-mewt ta’ bintha bi skambju għal sentenza mnaqqsa ta’ ħabs. Għalkemm dawn is-suspetti kienu tneħħew fl-2008 madankollu baqgħu taħt investigazzjoni għal snin sħaħ.

Goncalo Amaral, l-uffiċjal anzjan li mexxa l-każ, aktar tard tneħħa mill-investigazzjoni iżda kiteb ktieb fejn akkuża lill-ġenituri ta’ Madeleine b’involviment fl-għajbien tat-tifla. Amaral kien iddikjara li huwa kien qiegħed jiddefendi r-reputazzjoni tiegħu. 

Il-każ ta’ libell li sar mill-familja McCann kontra dan l-eks uffiċjal b’rabta mad-dikjarazzjonijiet li kien għamel f’dan il-ktieb, kienu ġew imwarrba mill-Qorti Suprema Portugiża. Il-koppja kienet appellat mis-sentenza u ħadet il-każ quddiem il-Qorti Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, iżda kienu tilfuh ukoll f’Settembru tas-sena li għaddiet. 

Il-pulizija Portugiża issa qiegħda tgħid li l-investigazzjoni inizjali dwar l-għajbien ta’ Madeleine ma kinitx “trattata kif suppost”, ma kienx qed jingħata biżżejjed importanza dak iż-żmien dwar l-għajbien tat-tfal u li l-pożizzjoni tal-ġenituri tagħha bħala “barranin” f’ambjent li ma kinux jifhmuh ma kinitx apprezzata.

Il-BBC qalet ukoll li l-pulizija Portugiża kienu infurmaw lill-familja McCann dwar l-investigazzjoni li kienet għaddejja. L-uffiċjali taw ukoll l-appoġġ tagħhom lill-awtoritajiet Ġermaniżi, li jemmnu li kien Christian Brueckner, ċittadin Ġermaniż ta’ 46 sena, li qatel lil Madelein McCann.

Hans Christian Wolters, wieħed mill-prosekuturi Ġermaniżi f’dan il-każ, laqa’ l-apoloġija li saret mill-pulizija Portugiża. “Huwa sinjal tajjeb. Li juri li fil-Portugall hemm żviluppi fil-każ McCann.” 

Wolters qal li jittama li t-tim tiegħu jlesti l-investigazzjoni li ilha għaddejja ħames snin dwar Brueckner tintemm is-sena d-dieħla. Sa issa ma kienu tressqu l-ebda provi kontrih b’rabta mal-għajbien ta’ Madeleine McCann filwaqt li min-naħa tiegħu, Brueckner ċaħad pubblikament li kien involut fl-għajbien tagħha. 

Ekonomija

Sport