Wednesday, July 24, 2024

Il-Pulizija ssib id-droga moħbija f’magna tal-ħasil f’farmhouse f’Ħal Luqa

Aqra wkoll

Raġel li nstab li kellu kilos ta’ kokaina u eroina qal lill-pulizija li għandu problema kbira tad-droga iżda rrifjuta li jagħtihom aktar dettalji dwar kif l-istess droga nstabet fil-pussess tiegħu.

Nicholas Farrugia ta’ 31 sena residenti Ħal Qormi, qed ikun mixli mixli b’rabta mas-sejba ta’ żewġ kilogrammi eroina u 500 gramma kokaina. 

L-uffiċjali sabu din id-droga fuq il-persuna tiegħu u anke f’magna tal-ħasil u fil-kċina ġewwa farmhouse f’Ħal Luqa. Il-Pulizija kienu rċevew informazzjoni li l-imputat kien għadu kien irċieva konsenja ta’ droga ta’ żewġ kilogrammi. 

Huma kienu waqqfuh fil-vettura tiegħu għall-ħabta tas-6.30 a.m. nhar it-30 ta’ Settembru li għadda. Dawn id-dettalji ħarġu mix-xhieda tal-Uffiċjal Prosekutur, l-Ispettur Jonathan Pace meta kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni kontra Farrugia. 

Intqal li l-imputat kien ta lill-pulizija borża li kien fiha diversi qratas ta’ sustanza kannella, li aktar tard irriżulta li kienet eroina. L-uffiċjali nnotaw żewġ qratas oħra, wieħed li fih l-eroina u l-ieħor kokaina, mal-art qrib il-vettura. 

Aktar tard il-Pulizija għamlet tfittxija f’farmhouse f’Ħal Luqa fil-preżenza ta’ Farrugia, fejn instabet aktar droga. Aktar tard, Farrugia qal lill-pulizija li huwa kellu problema kbira tad-droga iżda waqa’ fil-muta meta mistoqsi dwar l-affarijiet li nstabu fil-pussess tiegħu.

Huwa kien arrestat u tressaq il-Qorti l-għada, fejn wieġeb mhux ħati għall-akkużi dwar pussess aggravat ta’ żewġ kilogrammi eroina u 500g kokaina.

Wara li semgħet ix-xhieda tal-Ispettur Pace u uffiċjali oħra tal-pulizija, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo, qalet li kien hemm biżżejjed provi prima facie biex l-imputat jitqiegħed taħt Att ta’ Akkuża.

Farrugia ngħata l-libertà proviżorja taħt diversi kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €8,000, garanzija personali ta’ €10,000, li jiffirma l-għassa tliet darbiet fil-ġimgħa u ma joħroġx minn daru fil-ħin ta’ bejn il-11.00 p.m. u s-6.00 a.m.

L-Avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi u Jacob Magri dehru għal Farrugia. 

Ekonomija

Sport