Il-Pulizija rnexxielha ssolvi l-omiċidji kollha li seħħew bejn l-2018 u l-2025. Fil-fatt, f’dan il-perjodu seħħew total ta’ 36 każ ta’ omiċidju, li ġew solvuti kollha. Dan juri l-effiċjenza fil-Korp tal-Pulizija grazzi għall-investiment li qed isir fid-diversi Taqsimiet tagħha.
Kien il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri li ta dan it-tagħrif meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari li saritlu mid-Deputata Laburista Davina Sammut Hili.
L-istatistika li ppreżenta l-Ministru Camilleri tagħti ħarsa lejn l-għadd ta’ każi ta’ omiċidji li ġew irreġistrati mal-Pulizija bejn is-sena 2000 u l-aħħar ta’ Diċembru tas-sena 2025.
Jirriżulta li l-2012 kienet l-aktar sena li fiha seħħew omiċidji – 10 b’kollox – li minnhom tlieta għadhom mhux solvuti. Fl-2003 u l-2006 ma seħħ l-ebda każ ta’ omiċidju.
Fis-sena 2000 seħħew erba’ każi ta’ omiċidji li ġew solvuti kollha, waqt li fis-sena 2001 seħħew seba’ omiċidji li minnhom wieħed għadu mhux solvut. Fis-sena ta’ wara (2002) seħħew sitt omiċidji u ġew solvuti ħamsa minnhom filwaqt li wieħed għadu mhux solvut.
Fl-2004 u fl-2005 seħħew sebgħa u erba’ omiċidji rispettivament, li dawn ġew solvuti kollha mill-Pulizija. Fl-2007 seħħew erba’ każi t’omiċidji li minnhom wieħed għadu mhux solvut.
Fl-2008 seħħew seba’ każi t’omiċidji u ġew solvuti erbgħa minnhom filwaqt li tlieta għadhom mhux solvuti. Fl-2009 seħħew erba’ omiċidji, l-istess bħall-2010, u minn dawn ġew solvuti tlieta kull sena. Fl-2011 kienu solvuti t-tliet każi ta’ omiċidji li kienu ġraw f’dik is-sena.
Jirriżulta wkoll li fl-2013 seħħew sitt omiċidji u minn dawn tnejn għadhom mhux solvuti. Fis-sena ta’ wara wkoll seħħew sitt omiċidji, b’erbgħa minnhom għadhom mhux solvuti.
Fl-2015 seħħew erba’ każi ta’ omiċidji, bi tnejn ikunu solvuti u tnejn oħra għadhom mhux solvuti. Fl-2016 seħħew ħames omiċidji u ġew solvuti tlieta minnhom filwaqt li tnejn għadhom mhux solvuti. Fl-2017 seħħew disa’ omiċidji u minn dawn erbgħa għadhom mhux solvuti.
L-omiċidji li ġraw fis-snin ta’ wara, li ġew solvuti kollha, huma kif ġejjin: 6 fl-2018, 3 fl-2019, 6 fl-2020, 2 fl-2021, 8 fl-2022, 3 fl-2023, 5 fl-2024 u 3 fl-2025.

