Il-Pulizija mid-Distrett ta’ Għawdex komplew jinvestigaw dak li seħħ ilbieraħ fix-Xagħra fejn 3 persuni spiċċaw l-Isptar wara li allegatament kienu nvoluti f’argument.
Sorsi qrib dan is-sit qalulna li l-argument inqala minħabba xi xogħol. Dan is-sit jinsab informat li l-persuni involuti huma kollha ta’ nazzjonalità barranija.
Jidher li involuti fl-argument kien hemm missier u iben, u żewġ persuni oħrajn.
Dawn tal-aħħar wara li nqala l-argument saqu bil-karozza għal fuq il-missier u l-iben bil-konsegwenza li l-missier spiċċa ntlaqat mill-karozza u qiegħed isofri minn grieħi gravi minħabba xi ksur li għandu.
L-iben ukoll iddaħħal l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, iżda ġie ċċertifikat li sofra biss ġrieħi ħfief. Miegħu l-isptar iddaħħal ukoll wieħed mill-allegat agressuri li wkoll ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ħfief, filwaqt li l-ieħor inżamm mill-Pulizija.
Dan is-sit jinsab informat ukoll li wara li seħħ l-argument huma saqu wara xulxin sa quddiem l-Għassa tar-Rabat biex jagħmlu rapport fuq xulxin lill-Pulizija.
Hekk kif l-iben u l-allegat agressur ġew irrilaxxati mill-Isptar huma ġew arrestati u ttieħdu l-Għassa tar-Rabat fejn ġew interrogati.
Huma mistennija li jitressqu l-Qorti għada filgħodu.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija qegħdin jitmexxew mill-Ispettur Josef Gauci.