Il-Pulizija identifikat l-ewwel erba’ vittmi ta’ nies li tilfu ħajjithom f’bar f’resort tal-iski Żvizzeru lejlet l-Ewwel tas-Sena. Midja internazzjonali rrapurtat li żewġ vittmi kienu tfajliet ta’ 21 u 16-il sena, filwaqt li ż-żewġ vittmi l-oħra kienu ġuvintur Żvizzeri ta’ 18 u 16-il sena.
Ingħad li l-Istitut tal-Mediċina Forensika għamel l-identifikazzjonijiet possibbl u qalet li l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjoni biex jiġu identifikati il-vittmi.
F’kumment mal-midja internazzjonali, il-kelliem għall-pulizija Gaetan Lathion qal li l-isplużjoni seħħet għall-ħabta tas-1.30 a.m. f’bar imsejjaħ Le Constellation, li huwa popolari ferm mat-turisti, fejn kienu qed isiru ċ-ċelebrazzjonijiet marbuta mal-bidu tas-Sena l-Ġdida.
Il-President tal-Iżvizzera Guy Parmelin sejjaħ dan li seħħ bħala wieħed mill-agħar traġedji” li esperjenza l-pajjiż. Nhar il-Ġimgħa, il-pulizija qalet li 113 mill-feruti ġew identifikati, u jinkludu 71 ċittadin Żvizzeru, 14 Franċiż u 11 Taljan.


