Il-Pulizija bdiet l-investigazzjonijiet tagħha dwar allegat abbuż minn uffiċjal għoli tal-Korp.
Dan tħabbar fi stqarrija li ħareġ il-Korp tal-Pulizija fejn qal li “fl-aħħar sigħat, il-Pulizija rċeviet rapport anonimu permezz tas-sistema Break the Silence, li l-Korp introduċa f’Novembru tal-2020 biex isaħħaħ il-governanza tajba u l-integrità fi ħdan l-istrutturi tiegħu, dwar allegat abbuż minn uffiċjal għoli tal-Korp.”
L-istqarrija tkompli tgħid li “immedjatament tnediet investigazzjoni dwar dawn l-allegazzjonijiet, u bħala miżura amministrattiva l-uffiċjal in kwistjoni tpoġġa fuq forced leave. L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
Il-Korp tal-Pulizija jibqa’ impenjat li jħares l-istandards l-aktar għoljin ta’ integrità u trasparenza.”

