Saturday, October 26, 2024

Il-Pulizija tkisser ċirku ta’ serq ta’ mowbajls; Arrestat żagħżugħ ta’ 18-il sena

Aqra wkoll

Il-Pulizija qed iżżomm taħt arrest żagħżugħ ta’ 18-il sena wara li allegatament seraq numru sostanzjali ta’ mowbajls minn stabbiliment f’Birkirkara. L-allegat sertqa seħħet fit-2 ta’ April li għadda għall-ħabta tas-1.20 a.m.

Jidher li l-mowbajs kienu jinbiegħu kemm fis-swieq lokali u kif ukoll barra minn Malta.

Mill-investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali rriżulta li żewġ persni dak il-ħin dehru jisgassaw il-bieb ta’ barra tal-istabbiliment u daħlu ġewwa. Malli sabu ruħhom fil-ħanut, iż-żewġ persuni serqu ammont ta’ mowbajls minn fuq l-ixkafef. B’kollox insterqu 13-il mowbajls li l-valur tagħhom huwa ta’ madwar €8,000.

Minn aktar investigazzjonijiet li saru l-Pulizija rnexxielha tasal għal wieħed miż-żewġ persuni li allegatament wettaq din is-serqa u ġie arrestat. Allegatament dan l-individwu jifforma parti minn grupp ta’ persuni involuti f’ċirku ta’ serq ta’ mowbajls li mbagħad jinbiegħu fost l-oħrajn fis-swieq barranin. Irriżulta li l-oġġetti misruqin li nsterqu fit-2 ta’ April inbiegħu lokalment.

Iż-żagħżugħ arrestat mistenni jitressaq il-Qorti fis-sigħat li ġejjin fejn se jkun akkużat li kkommetta serq ta’ mowbajls, kif ukoll li rrenda ruħu reċidiv.

L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin u mhux eskluż li ’l quddiem jitressqu aktar persuni l-Qorti.

Sport