Tuesday, October 8, 2024

Jinżammu arrestati ħames persuni b’rabta ma’ sejba ta’ 14-il kilo droga

Aqra wkoll

Erbat irġiel u mara, kollha ta’ nazzjonalità barranija, inżammu taħt arrest preventiv wara li ġew mixlija b’rabta ma’ sejba ta’ seba’ kilogrammi kokaina u seba’ kilogrammi oħra kannabis.

L-imputati huma Nikola Vujakovic ta’ 36 sena mis-Serbja, Salvatore Rogazione ta’ 37 sena minn Sqallija, Aleksandar Vujakovic ta’ 34 sena mill-Kroazja, Sara Lerinc ta’ 22 sena mis-Serbja u Goran Davkovski ta’ 54 sena mill-Maċedonja.

Huma kienu mixlija b’diversi akkużi fosthom pussess u traffikar tad-droga, li assoċjaw rwieħhom ma’ persuni oħra f’Malta jew barra biex ibigħu jew jittraffikaw mediċina f’Malta, li ffinanzjaw għaqda bil-ħsieb li jitwettqu reati kriminali u li għamlu atti ta’ ħasil ta’ flus.

Fil-Qorti nstema’ kif matul ix-xhur li għaddew, il-Pulizija kienet irċeviet informazzjoni dwar grupp ta’ Serbi li setgħu kienu qed jinvolvu ruħhom f’reati marbuta ma’ traffikar tad-droga, pussess ta’ armi irregolari u anke dokumenti foloz f’dawn il-gżejjer.

Minn aktar informazzjoni ġie identifikat Nikola Vujakovic u l-Pulizija sabu li dan kien qed jirrisjedi f’residenza f’Ħaż-Żabbar flimkien mas-sieħba tiegħu Sara Lerinc. Il-Pulizija rriżultalha wkoll li Nikola kien jagħmel użu minn diversi vetturi u li kellu residenza oħra f’Wied il-Għajn.

L-Ispettur Mark Mercieca spjega fil-Qorti kif fl-aħħar jiem u ġimgħat kienu saru ħinijiet qosra ta’ sorveljanza sabiex il-pulizija jkollha idea aħjar ta’ x’tip ta’ ħajja dawn kienu qed jgħixu u l-persuni relatati ma’ dan il-grupp.

Kien ikkonfermat, qal l-Ispettur Mercieca, li l-imputati kienu jużaw kemm il-fond ta’ Ħaż-Żabbar u anke dak ta’ Wied il-Għajn filwaqt li kienu jkunu preżenti f’diversi stabbilimenti f’Wied il-Għajn stess.

Is-Sibt li għadda, il-pulizija nnutat vettura tal-għamla Volvo – misjuqa minn Nikola fejn miegħu kellu żewġ persuni maskili oħra – tibqa’ sejra f’għalqa fejn kien hemm diversi vetturi oħra abbandunati. Nikola deher joħroġ basket mill-Volvo u jimlieh b’xi oġġetti li kienu f’waħda minn dawn il-vetturi abbandunati, tat-tip Peugeot.

Huwa mbagħad deher isuq lejn Baħar iċ-Ċagħaq, iżda f’ċertu mumenti kien intilef mill-pulizija. Minn xħin telaq minn ħdejn il-vettura, l-uffiċjali baqgħu jissorveljaw il-vettura Peugeot biex jaraw jekk l-istess persuna terġax tmur fuq il-post.

Il-Ħadd li għadda, Nikola reġa’ deher bil-mutur javviċina din il-vettura u passiġġier miegħu kellu lil Sara. Huwa deher jiftaħ il-karozza u jieħu basket żgħir. Il-Pulizija baqgħet issegwih u deher ippoġi basket f’parapett ta’ residenza u baqa’ jistenna ftit ‘il bogħod mill-istess residenza.

F’ħin minnhom, persuna ġabar dan il-basket minn mal-art u mbagħad Nikola u Sara dehru jitilqu bil-mutur minn fuq il-post. Il-Pulizija waqqfet lir-raġel li deher jiġbor dan il-basket, li rriżulta li kien Salvatore. F’dan il-basket il-pulizija sabet blokka kwadra allegatament kokaina.

Wara li l-pulizija kkonfermat min kienu l-persuni li ħallewlu din is-sustanza, ipproċediet biex jarrestaw lil Nikola u Sara fir-residenza tagħhom f’Ħaż-Żabbar. Minn tfittxija fir-residenza nstab qartas ta’ sustanza kokaina, sustanza allegatament ħaxixa, arma tan-nar, kwantità ta’ flus kontanti u magna li tgħodd il-flus.

Minn tfittxija li saret fil-vettura Volvo li kienet ipparkjata quddiem ir-residenza nstabu diversi mobiles, imwieżen diġitali u flus kontanti. Fil-Qorti ntqal li f’dawn it-tfittxijiet instabu b’kollox mas-€17,600 f’kontanti.

Il-Pulizija komplew bit-tfittxijiet fir-residenza f’Wied il-Għajn fejn ġiet arrestata persuna oħra – Goran Davkovski.

Il-Prosekuzzjoni qalet li fit-tfittxijiet li saru nstabu b’kollox seba’ kilogrammi kannabis u seba’ kilogrammi kokaina. F’kull residenza li fiha saru dawn it-tfittxija nstabu diversi dokumenti li l-pulizija tissuspetta li jistgħu jkunu kontrafatti.

L-imputati kollha wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom u baqgħu jinżammu taħt arrest preventiv wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tagħhom.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Nadine Sant Lia laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni u ordnat l-iffriżar tal-assi kollha tal-imputati.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mark Anthony Mercieca, Jonathan Cassar, Jonathan Pace u Oscar Baldacchino flimkien mal-Avukat Maria Francesca Spiteri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

L-Avukati Franco Debono, Alfred Abela u Rene Darmanin dehru għal Nikola Vujakovic, Aleksandar Vujakovic u Sara Leric. L-Avukat Charles Mercieca deher għal Goran Davkovski mentri l-Avukat Julia Micallef Stafrace assistiet lil Salvatore Rogazione.

Aktar kmieni: Il-Pulizija tkisser grupp ta’ kriminalità organizzata b’rabta ma’ importazzjoni u traffikar ta’ droga

Ħames barranin li jiffurmaw parti minn grupp ta’ kriminalità organizzata, fl-aħħar sigħat ġew arrestati waqt operazzjoni b’rabta ma’ importazzjoni u traffikar tad-droga f’pajjiżna.

Wara diversi ġimgħat ta’ investigazzjonijiet u osservazzjonijiet, permezz ta’ ‘Intelligence-Led-Policing’, il-Pulizija identifikat lill-persuni allegatament involuti. Bl-informazzjoni kollha miġbura, il-Ħadd illi għadda l-Pulizija ċċirkondaw vettura f’Ħaż-Żabbar fejn fiha nstabu masseba’ kilogrammi kokaina.

L-investigazzjonijiet tkomplew f’residenza f’Ħaż-Żabbar u f’żewġ residenzi oħra f’Wied il-Għajn. Fit-tfittxijiet illi saru fihom, il-Pulizija sabu iktar kokaina, mas-sitt kilogrammi ħaxixa talkannabis, armi tan-nar, munizzjon, apparat relatat ma’ traffikar tad-droga, magna li tgħodd il-flus u ammont sostanzjali ta’ flus kontanti, kif ukoll numru ta’ dokumenti ffalsifikati, fost affarijiet oħra.

Il-persuni arrestati huma raġel ta’ 36 sena u mara ta’ 22 sena mis-Serbja, raġel ta’ 34 sena mill-Kroazja, raġel ta’ 54 sena mill-Maċedonja u Taljan ta’ 37 sena.

Il-persuni kollha qed jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija, il-Floriana u mistennija jitressqu l-Qorti llum, għall-ħabta tal-11.00am, quddiem il-Maġistrat Dr Nadine Sant Lia LL.D.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport