Saturday, November 23, 2024

Il-Pulizija twaqqaf karozza tinstaq b’veloċità ta’ 193 km/h

Aqra wkoll

Tkompli s-sorveljanza dwar sewqan abbużiv; Il-Pulizija tħarrek total ta’ 87 sewwieq fuq illegalitajiet fis-sewqan; Sewwieq jinqabad fil-pussess ta’ sustanza suspettata droga 

Waqt il-kontrolli li saru llum, il-Pulizija waqfet vettura tal-għamla Mitsubishi Lancer Evolution li nqabdet tinstaq b’veloċità ta’ 193 kilometru fis-siegħa. Din il-vettura kienet qiegħda tinstaq fi Triq il-Kosta, fl-akwati ta’ Baħar iċ-Ċagħaq fejn hemmhekk il-veloċità massima hija ta’ 70 kilometru fis-siegħa. 

Dan is-sewwieq kien fost 74 sewwieqa li matul in-nofsinhar ta’ dalgħodu nqabdu jsuqu b’veloċità iktar milli tippermetti l-liġi f’diversi toroq arterjali. 13-il sewwieq ieħor twaqqfu u ngħataw taħrika minħabba ksur ta’ regolamenti oħra tat-traffiku, li jinkludu 9 għal vetturi li ma kellhomx numru tar-reġistrazzjoni fuq quddiem; 2 vetturi li kellhom it-tinted glass, u żewġ vetturi oħra minħabba li s-sewwieq ma obdiex regolamenti tat-traffiku. 

L-operazzjoni tal-lum kienet ikkordinata mit-Taqsima tal-Pulizija tat-Traffiku, assistiti mill-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit (RIU) u tas-Special Intervention Unit (SIU). 

Waqt il-kontroll li sar fi Triq il-Kosta, fl-akwati ta’ Baħar iċ-Ċagħaq b’kollox inħarġu 16-il taħrika, fosthom is-sewwieq li nqabad isuq b’193 kilometru fis-siegħa. 

Kontroll ieħor sar fi Triq il-Kosta, fl-akwati tas-Salini, fejn hemmhekk il-Pulizija ħarġu 8 taħrikiet għal sewqan eċċessiv. 

Kontroll ieħor sar fi Triq Louis Wettinger, fil-Mellieħa (magħrufa bħala l-Bypass tal-Mellieħa). Hawnhekk inħarġu 50 taħrika għal sewqan eċċessiv. 

Sewwieq arrestat wara li nqabad fil-pussess ta’ sustanza suspettata droga 

Intant waqt li kienu qegħdin isiru dawn il-kontrolli dwar sewqan eċċessiv u ksur ta’ regolamenti tat-traffiku, il-Pulizija tar-RIU u tas-SIU nnutaw vettura tat-tip Toyota tinstaq b’manjiera traskurata u perikoluża. Il-Pulizija waqfu l-karozza, li kienet qed tinstaq minn ġuvni ta’ 24 sena residenti Ħaż-Żebbuġ fl-akwati ta’ Baħar iċ-Ċagħaq. Miegħu, passiġġier, kien hemm tfajla ta’ 23 sena residenti l-Mosta 

Il-Pulizija tar-RIU u tal-SIU wettqu tfittxija fil-vettura fejn sabu baskett żgħir li kien fil-pussess tal-ġuvni u fih instabet sustanza suspettata droga, kif ukoll oġġetti oħra relatati mad-droga, li fihom kien hemm hemm ukoll traċċi allegatament droga. Saret tfittxija ukoll fil-handbag tat-tfajla u fih instabu boroż żgħar bi traċċi suspettata droga. 

Iż-żewġ persuni ngħataw f’idejn il-Pulizija tad-Distrett ta’ Birkirkara. L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin. 

Sport