Saturday, November 23, 2024

Il-pulizija viċin li jiskopru għal min kienet intenzjonata l-bomba

Aqra wkoll

Tkompli l-kumpilazzjoni kontra Jomic Calleja, li qed ikun mixli li pprova jimporta splussiv f’pajjiżna

Il-pulizija li qed jinvestigaw il-każ ta’ Jomic Calleja, li jinsab akkużat li pprova jdaħħal splussiv, velenu u materjal radjuattiv f’pajjiżna, għamlet progress fl-identifikazzjoni tal-persuna li kellha tkun fil-mira ta’ dan l-attakk.

Hekk kif ilbieraħ kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Calleja, il-Qorti kienet infurmata li l-pulizija kienet avviċinata minn żewġ persuni l-ġimgħa li għaddiet, b’persuna minnhom tgħid li kellha informazzjoni li tista’ possibilment tixħet dawl fuq l-identità tal-persuna li għaliha setgħet kienet maħsuba l-bomba. 

L-akkużat, li għandu 34 sena residenti Ħaż-Żebbuġ, jinsab akkużat li pprova jimporta l-isplussiv C-4 kif ukoll veleni letali li hu allegatament xtara mingħand bejjiegħ min fuq sit mhux aċċessibbli għal kulħadd. 

Il-pulizija Maltija bdiet tinvestiga l-każ wara li rċeviet informazzjoi mis-servizzi tas-sigurtà barrani dwar il-konsenja maħsuba ta’ materjali suspettużi lil xerrej Malti u li saħansitra l-istess pulizija kienu marru Arizone s-sajf li għadda biex jivverifikaw il-każ.

L-isplussivi kienu tneħħew minn posthom minn espert qabel ma l-pakkett kellu jintbagħat fid-destinazzjoni intenzjonata, resident Malti bl-isem “Roger Tabone”. 

Fis-seduta tal-bieraħ, xehed uffiċjal minn Identity Malta li kkonferma li t-tfittxija għal “Roger Tabone” fir-reġistru pubbliku tal-aġenzija tat riżultati negattivi. 

Xehed ukoll missier l-akkużat, Carmel Grech, li spjega kif huwa kien iħallas kont għal numru tal-mobile reġistrat f’ismu iżda kien użat minn ibnu. 

Muri dokument dwar il-kirja ta showroom f’Ħal Qormi, ir-raġel ċaħad bil-qawwa li firma ħdejn numru tal-karta tal-identità tiegħu fuq dak il-ftehim, kienet fil-fatt tiegħu.

Ir-raġel ċaħad bil-qawwa kollha li kienet il-firma tiegħu, anke wara li ġie avżat kif mill-Qorti dwar il-konsegwenzi ħorox li jinsab fihom peress li kien qed jixhed taħt ġurament.

“Xhieda oħra qalu li kont preżenti fix-showroom. X’kont qed tagħmel hemm?”, staqsietu l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech fejn wissiet wkoll li hija kienet ser taħtar espert tal-kalligrafija biex tivverifika jekk il-firma inkwistjoni kinitx waħda ġenwina.
Ir-raġel spjega li xi kultant huwa kien iżur il-bini f’Ħal Qormi peress li ibnu kien ikun hemm, u żied jgħid li l-post kien jappartjeni lil “żewġ persuni” u li l-kera kienet “skadiet madwar sitt xhur ilu”.

“Allura qed tgħid li xi ħadd seta’ ‘ffirma dak id-dokument minflokok?” staqsiet il-Qorti, filwaqt li wissiet lix-xhud dwar konsegwenzi serji li kellu jiffaċċja jekk jirriżulta li huwa gideb taħt ġurament.

Wara li ntemmet il-kumpilazzjoni, l-Qorti ddikjarat li kienet tiddeċedi dwar talba oħra fuq il-libertà proviżorja.

Il-każ ikompli l-ġimgħa d-dieħla. Is-Supretendent George Cremona u l-Ispettur Omar Zammit qed imexxu l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-Avukat Benjamin Valenzia qed jidher għall-akkużat.

Sport