Illejla ġie ppreżentat il-budget għas-sena 2022, b’miżuri li jvarjaw minn trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd, żieda fil-pensjonijiet, żieda fl-istipendji għall-istudenti kollha, għajnuniet li dawk li jifilħqu l-inqas għall-għoli tal-ħajja fejn b’kollox fi kliem il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana familja mill-klassi medja se jispiċċa jkollha €1,000 aktar f’idejha bil-miżuri f’dan il-budget.
Miżuri oħra mħabbrin f’dan il-budget huma titjib fl-iskema tal-in work benefit li se tkun għola u aktar wiesa, tnaqqis fir-rata tal-part time, inqas taxxa fuq id-dħul mis-sahra, żieda fiċ-ċekk tat-tax refund u inwork benefit għal 40,000 ħaddiem li jaħdmu ħinijiet atipiċi fejn dawn se jingħataw €150, għotja li se tibqa’ tingħata fis-snin li ġejjin. Il-Ministru tal-Finanzi saħaq li dan hu budget ieħor bla taxxi, fejn hu saħaq li ma jemminx f’żidiet fit-taxxi.
Il-Ministru tal-Finanzi spjega li s-sena l-oħra minħabba pandemija qlajna daqqa ta’ 8.3 fil-mija fi tkabbir reali u dan għax it-turiżmu waqa’ minn 2.9 miljun għal 400,000 turist. Spjega li dan in-numru ta’ wasliet żdied u lum se jkollna qrib il-miljun u dan ifisser li hu madwar terz ta’ dak li kellna fis-sena 2019. Hu ħabbar li għas-sena d-dieħla qed nistennew tkabbir ekonomiku għal 6.5 fil-mija.
Meta semma’ id-deficit fil-pajjiż, il-Ministru Clyde Caruana qal li konna għedna li kien imbassar defiċit ta’ 12 fil-mija għal din is-sena u dan issa se jkun ta’ 11.1 fil-mija li jfisser titjieb ta’ 1 fil-mija. Dan minħabba li d-dħul irranka b’mod aktar b’saħħtu minn dak li stenna l-Gvern. Spjega li għas-sena d-dieħla id-deficit se jkun ta’ 5.6 fil-mija.
Dejn… pajjiżna se jibqa’ fil-mira ta’ 3 fil-mija
Il-Ministru għall-Finanzi tkellem ukoll dwar id-dejn u qal li qed naraw li qed nibqgħu mal-mira li sas-sena 2024 id-dejn jitnaqqas għal taħt it-3 fil-mija. Tenna li l-gvern qed jara li jżomm il-piż tad-dejn. Tenna li pajjiżna meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra se nkunu b’dejn ta’ 62.4 fil-mija tal-Prodott Gross Domestiku sa 2024 u dan meta xhur ilu konna qed nipprevedu li dan kien se jkun ta’ 66 fil-mija.
Hu fakkar li s-suq tax-xogħol inżamm intatt, żdiedu n-nies fix-xogħol, tnaqqset ir-rata ta’ inattività u tnaqqas il-qgħad. Spjega li f’pajjiżna kellna żieda ta’ nies jaħdmu u dan ifisser lir-ritmu ekonomiku baqa’ għaddej.
Dan is-sit ġabar uħud mill-miżuri prinċipali li tħabbru fil-budget għas-sena 2022. Dawn jinkludu:
- Żieda fil-benefiċċju ta’ carer fid-dar
- Żieda fl-allowance għal tfal b’diżabilità
- Estenzjoni tal-iskemi tal-1st u 2nd time buyers
- €20 miljun fi proġett ta’ afforestazzjoni fl-Inwadar
- Mediċini b’xejn għall-anzjani ta’ 80 sena jew aktar li jirċievu l-għajnuna supplimentari
- Żieda fil-pensjonijiet għall-pensjonanti kollha
- In-Work Benefit għal ħaddiema b’ħinijiet atipiċi
- Żieda fl-iskema tal-In-Work Benefit
- Ir-rata ta’ part time tonqos minn 15% għal 10%
- Se jiġi estiż is-servizz taċ-childcare b’xejn
- Żieda ta’ 10% fl-istipendji għall-istudenti kollha
- Eżamijiet tas-SEC fl-istess skejjel fejn kienu jattendu l-istudenti
- Ċensiment nazzjonali dwar il-ħiliet tal-ħaddiema b’investiment ta’ €2 miljun
- Iċ-ċekk tar-Rifużjoni tat-Taxxa se jitla’ għal bejn €60 – €140
- Iż-żieda għall-għoli tal-ħajja għas-sena d-dieħla ser tkun ta’ €1.75 fil-ġimgħa
- Żieda ta’ €100 fil-bonus għal twelid ta’ tarbija jew adozzjoni
- Il-moniteraġġ taz-zokkor estiż għaż-żgħażagħ
- Tnaqqis fit-taxxa fuq l-overtime
- Tnaqqis fit-taxxa għal pensjonanti li jibqgħu jaħdmu
- Is-sena d-dieħla t-tkabbir ekonomiku mistenni jiżdied b’6.5%
- Żieda fl-għotja finanzjarja għal xiri ta’ vetturi elettriċi u Hybrid
- Trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd
- Żieda ta’ mediċini ġodda fil-formularju tal-gvern fosthom tal-kanċer, tal-IVF, osteoporożi, fibromajalġja u mard rari.
- Ir-rata ta’ taxxa għall-artisti se tkun ta’ 7.5%