Tuesday, December 23, 2025

IL-PURĊISSJONI TAL-BAMBIN QABEL MA HI TRADIZZJONI, HI DEVOZZJONI

Minn J Camilleri

Aqra wkoll

Li kellek tistaqsi  lill-poplu liema tradizzjoni tal-Milied f’Malta hi l-aktar magħrufa u popolari, żgur li l-ewwel li tiġi f’moħħu hi l-purċissjoni tal-Bambin, mill-membri tal-M.U.S.E.U.M. Meta, normalment, tradizzjoni trid tieħu għexieren u sekli sħaħ ta’ snin, biex tkun stabbilita, il-purċissjoni tal-Bambin li beda San Ġorġ Preca, qabdet minnufih. Il-poplu għoġbitu mill-ewwel u għamilha tiegħu.

San Ġorġ Preca ma riedx il-formalità ta’ purċissjoni jew pellegrinaġġ, imma bdiha bħala demostrazzjoni, kelma li fiha nfisha tesiġi l-parteċipazzjoni tal-poplu. Aħna qed nibqgħu nsejħulha ‘purċissjoniċ għall-prattiċità. Sa ċertu punt, it-tradizzjoni jagħmilha l-poplu billi jagħmilha tiegħu u jibqa’ jridha għal tul ta’ snin. U hekk ġara mill-purċissjoni tal-Bambin tal-qaddis Ġorġ Preca.

L-istorja

L-istorja ta’ kif bdiet il-purċissjoni tal-Bambin lejliet il-Milied, jafha kulħadd jew kważi. Nikkwota mill-ktieb Dun Ġorġ, 1880-1962, tal-1965: “L-ispirtu tal-Milied hawn Malta ma tantx kien jinħass u Dun Ġorġ xtaq u ried illi jerġa’ jqanqal u jixgħel ma’ malta kollha r-rikonoxxenza lejn Kristu li sar tarbija minħabba fina. Għall-ħabta tal-1921, kif kien darba miġbur mas-soċji tiegħu, qalilhom: ‘Din is-sena rrid li tagħmlu dimostrazzjoni bil-Bambin tal-Milied’.

Ma tantx kienu mhejjijn għaliha, imma Dun Ġorġ ma kienx jaqta’ qalbu malajr. Wara ftit tal-ġranet kulħadd kien mimli b’entużjażmu għall-purċissjoni tal-Bambin. Marru jixtru Bambin u ma sabu mkien. Fl-aħħar iddubbaw wieħed minn għand Patri Franġiskan Konventwali tal-Belt.

Lejlet il-Milied kulħadd beda ġej bil-fanali, min ġieb fanali tax-xemgħa, oħrajn ġiebu fanali tar-roti jixgħelu bl-aċitilena, oħrajn ġiebu blalen tal-karti, weraq tal-palm, u bdew mexjin. Qajmu l-Ħamrun kollu, u l-Bambin żammu soċju f’idejh. It-tfal inġabru kollha kemm huma jkantaw l-Adestes Fideles u l-għanja tradizzjonali Ninni, la tibkix iżjed…

U minn sena għal sena n-nies bdew jistennew il-purċissjoni tal-Milied tal-Museum. Il-purċissjoni bdiet tieħu sura sakemm xterdet ma’ Malta kollha u llum saret waħda mill-aktar tradizzjonijiet ħelwin tal-Milied fil-gżejjer tagħna” (pp 27-28).

Devozzjoni qabel ma hi tradizzjoni

Imma San Ġorġ Preca – dak il-bniedem ta’ Alla li żejjen lil pajjiżna bejn l-1880 u l-1926 – ma kienx bniedem li jagħmlu bih il-wirjiet esterni, miċ-ċapċip u x-xejxi. Dan nafuh sew. Għall-ewwel li l-membri tal-għaqda tiegħu bdew jattendu l-manifestazzjoni ta’ Kristu Re, San Ġorġ Preca kien ħatafhom ħatfa għax qalilhom li dan għamluh biex jidhru!

Mela qabel ma nħarsu lejn il-purċissjoni tal-Bambin bħala tradizzjoni, għal San Ġorġ Preca kienet devozzjoni, devozzjoni ta’ mħabba enormi lejn l-Inkarnazzjoni, dik il-Kelma ta’ Alla saret bniedem bħalna.

Min jiftakar il-purċissjoni tal-Bambin tal-imgħoddi, jiftakar li lit-tfal kienet tingħatalhom karta żgħira daqs ostja, bil-kliem fuqha Verbum Dei caro factum est, biex jilbsuha fuq sidirhom. Kemm ikun ħaġa xierqa li din l-istqarrija ta’ fidi u devozzjoni lejn il-Verbum Dei terġa’ tingħata l-ħajja! 

X’futur hemm għal din id-drawwa għażiża?

Bħal dejjem, il-preżent u l-futur jagħmluh in-nies. Biex din il-manifestazzjoni natalizja tibqa’ ħajja f’pajjiżna, hemm bżonn li wlied il-poplu jibqgħu jattendu bi ħġarhom għaliha. Hemm bżonn li dak in-nhar li ssir, il-ġenituri ma jivvintaw xejn, u jekk iridu jmorru x’imkien, iħallu dawk is-sagħtejn liberi biex jattendu huma u wliedhom. Jekk iridu jmorru jagħmlu xi ikla, jew jmorru għand xi qraba, jew jattendu xi spettaklu, jagħmlu tajjeb li jagħmlu dan wara li jkunu attendew għall-purċissjoni tal-Bambin.

Inkella m’għandhiex ħajja twila. Drajna wisq lil Alla nagħtuh il-ġenb. Ma mmorrux quddiesa l-Ħadd għax nibqgħu reqdin. Ma nattendux l-eżerċizzi spiritwali għax inkunu rridu naraw it-televiżjoni.

Ma nagħmlux karità għax irridu nġemmaw biex insiefru. Insomma, fejn jidħol Alla, dejjem nivvintaw l-iskużi. Sintendi, jekk ma tmurx il-purċissjoni tal-Bambin, ma tagħmel l-ebda dnub; m’hemm l-ebda obbligu. Imma jekk irridu nsalvawha, hemm bżonn nattendu aħna u wliedhna, inkella, bħalma ġralhom ħafna drawwiet oħra, tmut.

Naħseb li għandna nagħmlu sagrifiċċju żgħir biex, permezz tad-devozzjoni-purċissjoni tal-Bambin, ngħidu grazzi kbira lil min salvana mit-telfien ta’ dejjem. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport