Kien hawn xi żmien b’mod partikolari fi żmien il-Covid19 li kien hawn tħassib dwar il-futur tal-volontarjat. Dak inhar il-mod kif ingħalaq kollox kien hawn biża’ li għall-futur il-volontarjat kien se jieħu daqqa. Dan ma ġarax u ma seħħx grazzi għal skemi li jeżistu u li joffru nifs lill-għaqdiet volontarji fil-proġetti li jkollhom.
Ma’ dan ma nistgħux ma nsemmux it-tnedija tal-istrateġija nazzjonali għas-settur tal-volontarjat għall-ħames snin li ġejjin. Strateġija li kien hawn bżonnha. Kienet bżonnjuża għax tat direzzjoni aktar ċara. Din hi strateġija li tenfasizza r-riżorsi, kemm umani, fiżiċi u anke dawk finanzjarji, li għandhom bżonn il-voluntiera u l-għaqdiet.
Hi strateġija li ma tiqafx hemm imma trawwem il-parteċipazzjoni ta’ dawn il-voluntiera, filwaqt li ssaħħaħ il-kollaborazzjoni. Għalhekk din l-istrateġija mhix sempliċiment dokument. Hi strateġija li qiegħa tixpruna lill-għaqdiet u volontiera jkunu kreattivi u joħorġu bi proġetti ġodda.
Wieħed irid jgħid l-affarijiet kif inhuma. Minn wara l-Covid19, rajna qabża kbira ‘lquddiem f’dak li hu s-settur kulturali. Fl-ibliet u fit-teatri tagħna u anke fit-toroq, qegħdin naraw rappreżentazzjonijiet u avvenimenti ma jaqtgħu xejn. Qegħdin naraw ukoll il-kwalità titjieb. Dan jidher tista’ tgħid f’kull qasam. Jekk nieħdu l-festi u l-każini tal-baned tagħna, llum minkejja l-isfidi li jeżistu qegħdin naraw itejbu l-livell tagħhom, u qegħdin naraw inizjattivi mill-aktar kreattivi.
B’mod regolari qegħdin naraw għaqdiet mużikali u għaqdiet kulturali oħra jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja. Għajnuna li hi importanti ħafna biex dawn l-għaqdiet jibqgħu għaddejjin u jsaħħu x-xogħol kulturali li jsir. Illum saret komuni, fejn qabel kienet okkażjoni rari, li naraw ismijiet internazzjonali rinomati – f’kull qasam kulturali – jpaxxu l-udjenza Maltija, tant li dawn l-avvenimenti saru parti integrali mill-kalendarju kulturali Malti u mistennija ferm mill-Maltin.
Ix-xogħol qed ikompli għaddej biex dak miksub ikompli jissaħħaħ. Il-kwalità u l-professjoni iġġib l-udjenzi. U hekk qed jiġri wkoll f’dan il-qasam. Illumj l-attivitajiet m’għadhomx isiru fix-xhur tas-sajf biss. Illum l-attivitajiet kulturali issibhom matul is-sena kollha.
Xi ħaġa li rajna żvilupp fiha f’dan is-settur hija dik mibnija fuq il-karrieri u l-professjonaliżmu f’dan il-qasam. Illum sar possibbli li jkollok karriera marbuta ma’ aspett kulturali. Għandek it-teatru, l-arti, il-mużika. Illum hawn opportunitajiet kbar għall-artisti Maltin ħalli jkompli jkabbar il-professjonalità fit-talent tiegħu. Imma wkoll dan il-qasam qed jixpruna aktar karrieri.
Aktar opportunitajiet għal dawk li għandhom għal qalbhom il-wirt storiku, l-artistrija u l-kultura komuni. U ovvjament dan ifisser ukoll li l-kontribut ta’ dan il-qasam għall-ekonomija Maltija qiegħed ikompli jiżdied. L-investiment kontinwu li qed isir f’dan il-qasam, anki fl-artisti stess qed iwassal biex tkompli tiżded il-professjonalità fis-settur kulturali li jwassal ukoll biex is-settur kulturali jkompli jikkontribwixxi dejjem aktar għall-ekonomija tal-pajjiż.
M’hemmx dubju li meta tqabbel is-sitwazzjoni tal-lum ma’ dik ta’ ftit snin ilu, tara qabża f’dan is-settur. U dan qed jinħass sew u tista’ tarah b’għajnejk. Huwa għalhekk li dan is-settur qiegħed ikompli jsaħħaħ b’kull mod possibbli l-investiment, il-professjonalità u wkoll l-aċċessibiltà f’dan is-settur.
Investiment li qiegħed jagħti lura l-frott, mhux biss fil-kwalità, imma wkoll riżultat ta’ dan, qed naraw is-settur parteċipi sew fl-andament ekonomiku tagħna.

