Sunday, December 22, 2024

IL-QADFA BŻONJUŻA GĦAL INQAS TRAFFIKU U INQAS PROBLEMI TA’ SAĦĦA

Aqra wkoll

Ħafna huma dawk li jibku l-imgħoddi. Oħrajn jargumentaw li dak li kien kien u li sar sar. Oħrajn isostnu li Malta ma setgħet qatt tibqa’ tgħix l-istil ta’ ħajja ta’ għexieren ta’ snin ilu biex tkun tista’ tinvesti u tkabbar l-ekonomija tagħha. L-industrijalizzazzjoni li wasslet għall-ħolqien ta’ aktar impjiegi però ġabet magħha t-telfa ta’ tfal jiġru fit-toroq bir-roti. L-ammont ta’ karozzi li żdiedu fit-toroq tagħna għamlitha diffiċli biex dawk it-tfal, u anke adulti li jagħmlu l-qadjiet jew saħansitra jivjaġġaw bir-rota jibqgħu numerużi.

Ħafna minn dan il-ħin li qabel kien jitgawda f’ċertu libertà li nsterqet minn dinja progressiva, u mhux f’Malta biss, iżda l-poplu tagħna biex ngħidu hekk, illum sirna nqattgħuh quddiem xi screen. Statistika riċenti kompliet tikkonferma l-problema ta’ dan anke jekk mhix waħda li tat xi sorpriża. 

Skont l-istatistika maħruġa mill-Federazzjoni Dinjija tal-Obeżità sas-sena 2025, huwa maħsub li se jkun hemm 80% tal-irġiel u 64% tan-nisa Maltin li jbatu minn obeżità. Dan kollu se jwassal biex fl-2035 l-irġiel Maltin mistennija jkunu d-disa’ l-aktar ħoxnin fid-dinja. Nemmnu li n-nuqqas ta’ eżerċizzju huwa wieħed mill-fatturi prinċipali ta’ dan, anke jekk l-ikel li qegħdin nieklu ma tantx qiegħed jgħin lanqas.

Ta min ifaħħar l-inizjattiva Żerniq bir-Roti li fl-aħħar xhur ġibdet l-interess ta’ bosta persuni li anke jekk mhix parti mir-rutina tagħhom li jsuqu r-roti, attendew anke bit-tfal tagħhom biex igawdu toroq li jingħalqu għat-traffiku biex ikunu jistgħu jitgawdew mingħajr periklu. Din l-attività tikkonferma li l-inizjattiva hija ċ-ċavetta ta’ kollox. 

Kollox beda minn Kunsillier li witta t-triq għal din l-attività b’eżempju. Kunsillier li fiż-żogħżija tiegħu kien juża r-rota biex jivjaġġa, f’perjodu fejn iż-żgħażagħ ikunu ffukati fuq kif se jixtru l-ewwel karozza tagħhom.

Nemmnu li din però mhix sfida li tista’ tiġi indirizzata mill-minoranza. Fl-aħħar snin, il-gvern esprima impenn li jinvesti fiċ-ċiklisti anke billi offrielhom spazju fi proġetti infrastrutturali bħalma huma c-Central Link u pont pedonali u għaċ-ċiklisti tal-Blata l-Bajda. 

Il-Ministru tat-Trasport Aaron Farrugia fl-aħħar xhur ħabbar ukoll li Infrastructure Malta se tkun qed tonfoq €35 miljun biex f’Malta jkun hawn network ta’ roti li jgħaqqad lil Malta flimkien ma’ strateġija nazzjonali għaċ-ċikliżmu moderna li se tiġi ffinalizzata mal-istakeholders. 

Ta min ifaħħar ukoll l-attitudni tal-Ministru li ta widen għall-karba taċ-ċiklisti li wara l-ilmenti tagħhom għall-iżvilupp tal-Proġett Msida Creek, Infrastructure Malta ressqet pjanti ġodda fuq suġġerimenti ta’ titjieb għal infrastruttura aħjar għall-istess ċiklisti.

Għalkemm għad fadal ħafna xi jsir u anke hemm min bir-raġun jistaqsi f’hiex waslu d-diskussjonijiet favur kelma daqstant b’saħħitha ta’ investiment bħalma huwa network għal dawn iċ-ċiklisti, nemmnu li pajjiżna miexi fid-direzzjoni t-tajba. Nemmnu madanakollu li l-pubbliku jrid jagħmel sehmu wkoll. Dan ngħiduh b’mod speċjali għas-sewwieqa li ta’ kuljum, b’aljenazzjoni jew b’nuqqas ta’ attenzjoni, ixekklu lil dawn iċ-ċiklisti li mhux biss qegħdin inaqqsu l-problema tat-traffiku, iżda saħansitra t-tniġġis fl-arja li jista’ jikkawża dannu ikbar fuq is-saħħa tagħna lkoll. Min-naħa l-oħra ċ-ċiklist għandu f’kull ċirkostanza, josserva r-regolamenti tat-traffiku u jevita manuvri li jistgħu jaħsdu lis-sewwieqa u anke jikkawżaw inċidenti bla bżonn.

Ekonomija

Sport