Tuesday, March 31, 2026

Il-qafas legali tal-UE u l-aħjar prattiċi għall-immaniġġjar tal-iskart tal-kostruzzjoni u demolizzjoni diskussi f’seminar ta’ livell għoli

Aqra wkoll

Seminar li ffoka fuq il-qafas legali tal-Unjoni Ewropea u l-aħjar prattiċi għall-immaniġġjar tal-iskart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni ġab flimkien membri tal-ġudikatura, prattikanti legali, u professjonisti mis-setturi tal-kostruzzjoni u dak tal-ambjent.

Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard enfasizza dwar l-importanza li l-prinċipji legali jiġu allinjati mal-implimentazzjoni prattika f’settur li jibqa’ ċentrali għall-iżvilupp ekonomiku ta’ Malta, iżda li jkun direzzjonat mal-prijoritajiet sostenibbli li għandu l-pajjiż.

Il-Ministru Attard enfasizza li l-iskart tal-kostruzzjoni u demolizzjoni jirrappreżenta wieħed mill-akbar tipi ta’ ġenerazzjoni ta’ skart fl-Unjoni Ewropea, b’impatt dirett fuq is-sostenibbiltà ambjentali, l-użu tal-art u s-saħħa pubblika. Huwa saħaq li għal pajjiżna, it-tkabbir b’mod responsabbli għandu jibqa’ prijorità nazzjonali.

Dr Attard irrefera wkoll għall-objettivi strateġiċi fit-tul ta’ Malta fil-Viżjoni 2050, speċifikament makromiżura 29 u 30, li jqiegħdu s-sostenibbiltà, l-użu effiċjenti tal-art u l-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari fil-qalba tal-iżvilupp futur. Tnaqqis fid-demolizzjoni, żieda fl-użu ta’ materjal riċiklat u titjib fl-istandards tal-kostruzzjoni ġew enfasizzati bħala prijoritajiet ewlenin.

Il-parteċipanti ddiskutew dwar aspetti ewlenin tal-liġi tal-UE dwar l-iskart, inkluża d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, il-ġerarkija tal-iskart, l-obbligi regolatorji u l-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Għodod prattiċi bħall-Protokoll tal-UE għall-Immaniġġjar tal-Iskart tal-Kostruzzjoni u Demolizzjoni, il-verifikazzjoni ta’ qabel id-demolizzjoni, u l-ippjanar tal-immaniġġjar tal-iskart ġew ukoll eżaminati bħala mekkaniżmi essenzjali biex ikompli jiġi żgurat li dak leġiżlat jiġi implimentat.

Sessjoni speċifika ffukat fuq il-qafas nazzjonali ta’ Malta, fejn ġiet enfasizzata l-importanza ta’ infurzar konsistenti u gwida regolatorja ċara għall-partijiet interessati fis-settur. Is-seminar kien jinkludi wkoll studju ta’ każ interattiv ibbażat fuq xenarju Malti, li ppermetta lill-parteċipanti japplikaw il-prinċipji legali f’kuntest prattiku u jipparteċipaw f’diskussjoni strutturata.

Filwaqt li rriafferma l-impenn tal-Gvern lejn kostruzzjoni sostenibbli u ġestjoni mtejba tal-iskart, il-Ministru saħaq li progress sinifikanti jiddependi fuq azzjoni koordinata bejn l-istituzzjonijiet u s-setturi varji. Huwa ħeġġeġ għal aktar djalogu u qsim tal-għarfien sabiex jiġu appoġġjati leġiżlazzjonijiet imtejba, infurzar aktar b’saħħtu u teħid ta’ deċiżjonijiet ibbażati fuq aktar informazzjoni.

“Il-progress ta’ Malta fil-ħarsien ambjentali u fl-iżvilupp sostenibbli jiddependi fuq kollaborazzjoni kontinwa bejn dawk li jfasslu l-politika, ir-regolaturi u dawk li jipprattikaw fis-settur,” temm jgħid Dr Attard.

Is-seminar, organizzat mill-Akkademja tal-Liġi Ewropea f’kooperazzjoni mal-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, u bl-appoġġ tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, kien parti minn sforzi kontinwi biex tissaħħaħ l-esperjenza fil-komunità legali u regolatorja f’oqsma kumplessi u li qed jevolvu.

Is-seminar kien jinkludi panel distint ta’ esperti lokali u internazzjonali li mexxew id-diskussjonijiet. Fost dawk li mexxew id-diskussjoni kien hemm Dr Luísa Cortat, Deputat Kap tas-Sezzjoni tal-Liġi Pubblika Ewropea fl- Akkademja tal-Liġi Ewropea, Trier; Aimee Brincat, Direttur responsabbli mill-Affarijiet Regolatorji fl-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi; Georgesam Mizzi, Uffiċjal Għoli fit-Tim tal-Immaniġġjar tal-Iskart fl-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi; Christina Olsen Lundh, Imħallef anzjan u Professur Assoċjat fil-Liġi Ambjentali fl-Iżvezja; u Vojtěch Vomáčka, Konsulent Legali fil-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika Ċeka u Professur Assoċjat fl-Università ta’ Masaryk. 

Fost dawk preżenti għas-seminar kien hemm is-Segretarju Permanenti fi ħdan Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Johan Galea, u l-Avukat tal-Istat Dr Christopher Soler.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport