Jekk hemm oqsma li jiddistingwu lill-Partit Laburista minn kull forza politika oħra f’pajjiżna ċertament li fost l-ewlenin tagħhom hemm il-qasam tad-diżabilità. L-istorja soċjali ta’ pajjiżna turi kif Gvernijiet Laburisti kienu avangardisti biex il-persuni b’diżabilità tpoġġew fuq l-istess pedestal tal-kumplament tas-soċjetà. Kif inhu sewwa u xieraq. Ma rridux mmorru lura xi tul enormi ta’ snin biex insibu kif persuni b’diżabilità f’pajjiżna kienu litteralment jinżammew moħbijin. Li fil-familja jkollok lil xi ħadd b’xi forma ta’ diżabilità bilkemm ma kienx meqjus bħala xi diżunur.
Il-ġlieda kontra din il-mentalità ma kinetx xi ħaġa faċli. Għajr għall-kontribut tal-Knisja, u sa ċertu limitu, f’pajjiżna ma kien hawn xejn. Gvernijiet Laburisti għarfu jiġġieldu din il-mentalità billi bdew ikunu ta’ spalla soda b’diversi għajnuniet soċjali. Kollox beda miexi b’mod gradwali, imma b’mira waħda, li l-persuna b’diżabilità m’għandha xejn inqas minn kull persuna oħra. Li l-persuna b’diżabilità għandha d-drittijiet tagħha daqs u bħal ħaddieħor. Huma ċ-ċirkostanzi li jagħmlu d-differenza u huma dawn iċ-ċirkostanzi li jrid, u għandu jkun hemm, ‘kumpens’ għalihom. Ebda ċirkostanza m’għandha sservi ta’ raġuni biex xi ħadd ikun eskluż.
Id-dritt għall-inklużjoni huwa wieħed kardinali. Il-fatt li L-INKLUŻJONI hija trattata fuq livell Ministerjali jfisser aktar minn biżżejjed x’importanza qed jingħata dan is-settur.
Sadattant, kif mistenni, ġenituri ta’ tfal b’xi forma ta’ diżabilità kienu u għadhom jagħmlu dak kollu possibbli biex uliedhom ikunu b’xi mod protetti. Protezzjoni f’kull sens tagħha. U huwa hawn li dejjem spikkaw Gvernijiet Laburisti. Spikkaw mhux għax kienu u għadhom spalla soda għal dawn in-nies imma wkoll għax ħidmiethom serviet ta’ eżempju u ta’ bażi għal meta l-Partit Laburista ma kienx fit-tmexxija tal-pajjiż.
L-avvanzi f’dan il-qasam żvolġew f’kull forma tagħhom. Kien hemm żmien meta lanqas biss kont toħlom li persuna b’diżabilità tidħol fid-dinja tax-xogħol. llum għandna rekord ta’ persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol. Jikkontribwixxu għall-għixien tagħhom infushom. Daqstant ieħor ma kontx toħlom li persuna b’diżabilità tibda tgħix ħajja indipendenti, anke jekk fi gruppi żgħar u bi ftit għajnuniet. Aktar u aktar ma kontx toħlom li persuna b’diżabilità tkun tista’ tiddeċiedi għaliha nfisha. Bil-mod il-mod il-persuna b’diżabilità bdiet temmen fiha nnifisha. Bdiet tagħraf li minkejja kollox anke hi għandha l-abbiltajiet tagħha.
Ħadd ma jlum lil ġenituri ta’ tfal b’diżabilità li jitħassbu u jinkwetaw dwar x’se jsir minn uliedhom meta jiġu neqsin huma. Huma kollha problemi li għalihom illum hemm diversi forom ta’ soluzzjoni. Fadal xi jsir? Dejjem ikun fadal x’isir. Ħarsa lejn il-Budget għal din is-sena fejn jirrigwarda għajnuniet f’benefiċċji lil persuni b’diżabilità u lil qrabathom immedjati, bħalma huma l-ġenituri, turi dan kollu.
Għamlet ferm sew il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia meta nhar il-Ħadd li għadda fl-artiklu tagħha ta’ kull nhar ta’ Ħadd fil-gazzetta oħt, ‘It-Torċa’, elenkat u tat dettalji dwar 12-il miżura minn 14 kontemplati fil-Budget 2025 li diġà ġew implimentati. Kitbiet bħal dawn huma bżonnjużi. Il-poplu għandu jibqa’ jitfakkar u mgħarraf x’ikun qed isir. Il-poplu għandu jitfakkar mnejn inkunu tlaqna, fejn wasalna u fejn hi d-destinazzjoni. Dan ma japplikax biss għall-qasam li qegħdin nitrattaw illum, il-qasam tad-diżabilità, imma għal kull qasam tal-ħajja.
Imma li hu żgur hu li llum persuna b’diżabilità m’għadhiex tinżamm moħbija mill-kumplament tas-soċjetà. M’għadux meqjus xi diżunur li fil-familja jkollok persuna b’diżabilità.