Uffiċjali tal-Qatar iddefendew id-deċiżjoni li “jonoraw” lil Lionel Messi b’mantell Għarbi tradizzjonali qabel ma għolla t-trofew tat-Tazza tad-Dinja.
Messi – meqjus bħala wieħed mill-aqwa players fl-istorja tal-football mondjali – rebaħ l-aħħar unur biex għaqqad il-vetrina personali tal-karriera tiegħu.
Fil-finali kontra Franza huwa skorja doppjetta fid-draw ta’ 3-3 biex il-partita kellha tmur għall-għoti tal-penalties li l-Arġentini rebħu bl-iskor ta’ 4-2 fejn huwa skorja wkoll l-ewwel wieħed.
L-ewwel u l-uniku trijonf ta’ Messi fit-Tazza tad-Dinja se jibqa’ mfakkar bħala wieħed mill-mumenti ikoniċi fl-istorja tal-kompetizzjoni, iżda l-FIFA u l-Qatar ġew akkużati li ppruvaw jtappnu l-mument speċjali tiegħu waqt iċ-ċerimonja tal-preżentazzjoni.
Il-player ta’ 35 sena, ġie ppreżentat bit-Tazza mill-president tal-FIFA Gianni Infantino u l-Emir Sheikh Tamim tal-Qatar fejn ġie mlibbes bisht sewda – mantell tradizzjonali popolari fid-dinja Għarbija – qabel ma għolla t-trofew.
Iżda Hassan Al Thawadi, is-segretarju ġenerali tal-kumitat organizzattiv tat-tournament tal-Qatar, qal: “Din hija libsa għal okkażjoni uffiċjali u li tintlibes għal ċelebrazzjonijiet speċjali. Din kienet ċelebrazzjoni ta’ Messi.
“It-Tazza tad-Dinja kellha l-opportunità li turi l-kultura Għarbija u Musulmana tagħna mad-dinja. Dan ma kienx dwar il-Qatar, kienet ċelebrazzjoni reġjonali.
“Nies minn oqsma differenti tal-ħajja ġew f’pajjiżna u esperjenzaw dak li kien qed jiġri hawn u jifhmu li forsi ma nagħlqux għajnejna fuq kollox, iżda xorta nistgħu niċċelebraw flimkien.
“Aħna wettaqna l-wegħda tagħna li norganizzaw kampjonat eċċezzjonali mill-pajjiżi Għarab.
“Din ipprovdiet opportunità għan-nies tad-dinja biex jitgħallmu dwar ir-rikkezza tal-kultura tagħna u l-oriġinalità tal-valuri tagħna.”