Sunday, February 1, 2026

‘IL-QATT AKTAR’ … LI BIL-MOD QEGĦDIN NINSEWHA

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem fl-Ewropa u f’għadd ta’ pajjiżi madwar id-dinja ġie mfakkar  il-wieħed u tmenin sena wara l-liberazzjoni tal-kamp ta’ konċentrament Nażista ta’ Auschwitz fis-27 ta’ Jannar tas-sena 1945. Dan hu magħruf bħala l-Jum Internazzjonali ta’ Tifkira tal-vittmi tal-Olokawst.  Ta’ kull sena jinħarġu messaġġi biex il-ġenoċidju, qatt u qatt ma jerġa’ jseħħ. Ma’ l-ebda razza. Jitfakkar biex il-ġenerazzjonijiet li telgħin jifhmu fejn tista’ twasslek il-mibegħda. Jifhmu li dak li seħħ ma’ seħħx f’salt imma kien hemm proċess, li bil-mod il-mod wassal għal dank l-atroċitajiet.

Il-messaġġi dejjem huma ċari ħafna. Jitkellmu dawk li rnexxielhom jibqgħu ħajjin minkejja li kienu f’Auschwitz, għalkemm in-numru tagħhom dejjem jonqos. 

“Biex ma ninsewx’.  ‘Qatt aktar’. Dan hu l-messaġġ li ta’ kull sena jitwassal biex jitfakkru l-vittmi tal-olokawst u ta’ ġenoċidji oħra li seħħew wara. Tajjeb infakkru, minkejja li ma jissemmewx li kellna persuni li twieldu Malta u li spiċċaw vittmi tal-olokawst tat-Tieni Gwerra Dinjija. Fost dawn kien hemm żewġt itrabi, Silvana Sagona u Boris Kukilia.  Kien hemm ukoll Weinstock Chana, Smaukstil Wladislo u Juris Krimms.

Illum imma ma nistgħux nibqgħu biss marbutin ma’ li nfakkru dak li seħħ. Illum, quddiem dak li qiegħed jiġri madwarna u dak li issa ilu għaddew għal diversi snin u xhur, irridu nistaqsu.  Il-mistoqsija hi ċara. Minkejja l-orrur li seħħ f’Auschwitz. Minkejja l-mibegħda u tkasbir tad-dinjità umana li intweriet hemm, tgħallimna? Ħadniha il-lezzjoni?

Mistoqsija li ġġiegħlek tirrifletti. Tħares madwarek u ma tridx tkun għaref wisq biex tinduna li dik it-tagħlima, jekk konna ħadniha, qegħdin ninsewha. Qegħdin ninsewha b’ritmu mgħaġġel. Iż-żmien għaddej u dejjem aktar nitbiegħdu minn dak li kien seħħ bħala snin, u sfortuntament nitbiegħdu ukoll mit-tagħlima biex dak li seħħ ma jseħħx aktar.

Qegħdin ngħidu dan għax illum, fid-dinja, f’partijiet diversi qegħdin nerġgħu naraw l-estremiżmu jerfa’ rasu. L-estremiżmu tal-lemin estrem li llum joħroġ fit-toroq bla mistħija ta’ xejn. Qegħdin naraw mibegħda ċara kontra barranin. Mibegħda li timmanifesta ruħha f’toroq, kummenti u kitbiet.

Kemm tgħallimna  ngħixu ma’ xulxin? Kemm tgħallimna naċċettaw id-differenzi ta’ bejnietna u mhux nobogħduhom. 

Illum jekk naraw x’qiegħed jiġri fl-Istati Uniti bil-persekuzzojni kontra l-barranin nifhmu kif qiegħda tiżdied il-mibegħda. Jekk naraw x’ġara f’Gaża b’attakki kontinwi u imwiet ta’ innoċenti li llum telgħu għal aktar minn 70,000 persuna, tara mibegħda bla qies. Hemm kunflitti oħra bħal dak tas-Sudan. Nistgħu inħarsu lejn l-Afrika ta’ Fuq bil-persekuzzjoni li għaddejja kontra immigranti Afrikani fil-Libja u t-Tuneżija. Ma’ dan, anki fl-Ewropa, il-kunflitt mimli mibegħda bejn ir-Russi u l-Ukreni. Magħhom il-kunflitt fi Myanmar u l-persekuzzoni tar-Rohingya u kunflitti etniċi oħra.

U llum aktar minn tmenin sena wara qegħdin naraw il-lemin estrem, il-Faxxiżmu u n-Nażiżmu  jerfgħu rashom. Il-populiżmu qiegħed isir dejjem aktar popolari. Gvernijiet isiru populisti. U lil hinn minn dan, u din rajniha fl-Italja fl-aħħar jiem, bla mistħija ta’ xejn l-estemisti tal-lemin jinġabru fil-pubbliku u jagħmlu s-salut li ma jfisser xejn għajr mibegħda.

U llum il-kelma paċi u tifsira veri tagħha, qisha saret  xi ħaġa rari. Anki fl-Unjoni Ewropea li proprju twaqqfet fuq is-solidarjetà u biex ma jkunx hemm aktar gwerer fl-Ewropa, illum mhux qed titkellem kif se tgħaqqad aktar lill-Ewropa, imma qed titkellem fuq il-bżonn li tarma lilha nfisha bl-armi. Qed titkellem fuq żidiet fin-nefqa tal-armi. Rajna pajjiżi jibdew jippreparaw li jżidu s-suldati. Oħrajn jinvestu f’armamenti sofistikati. U proprju fit-tmenin anniversarju, l-alleanza storika bejn l-Ewropa u l-Istati Uniti tinsab imxaqqa waħda sew. 

Illum qiegħda tispikka l-indifferenza.  Qiegħed jispikka l-argument ta’ ‘aħna u huma’ b’rabta mal-barranin li jkunu fostna jaħdmu. L-empatija donnha spiċċat.  Biżżejjed wieħed iħares lejn l-Istati Uniti biex jara x’qed jitwettaq mill-Forzi tal-Ordni mal-barranin, fejn saħansitra anke arrestaw tfal ta’ ftit snin fi triqithom mill-iskola għad-dar. 

Fis-soċjetà tagħna, l-indifferenza għall-imwiet ta’ persuni li jkunu qegħdin jaħarbu minn kunflitti.

Nemmnu b’mod ċar ħafna li wieħed mid-diversi modi fejn is-soċjetà tkun qed  tonqos lil uliedha hi li ma titteħidx bis-serjetà il-wegħda post-olokawst ta “qatt iżjed.”  

Irridu nistaqsu għaliex illum hemm din l-indifferenza. Għaliex bqajna nwaħħlu t-tikketti u nittimbraw. 

Nemmnu li hemm bżonn messaġġi kontinwi u b’saħħithom. Ma nistgħux nibqgħu nitkellmu fuq jum it-tifkira u nsemmi biss dak li seħħ 80 sena ilu.  Irridu nuru x’qed jiġri llum madwarna. Irridu nitkellmu b’mod ċar li dak li ġie jaħdem fostna hu uman daqshekk u daqsi. Nattakkaw l-indifferenza u l-mibegħda li teżisti. Dan isir biss bl-edukazzjoni. Billi wieħed jinforma. Billi juri li aħna għalkemm differenti minn xulxin, aħna indaqs. Aħna umani. Nistgħu ma naqblux. Niddibattu. Imma qatt nirrikorru għall-vjolenza u l-mibegħda. Fuq kollox il-politiċi għandhom ikunu huma ta’ eżempju u għalhekk dak li qegħdin naraw jiġri fl-Istati Uniti jagħti eżempju ħażin ħafna. 

Fuq kollox infakkru  li l-olokawst kien traġedja għal-Lhud, imma kien hemm vittmi  oħra li ftit jissemmew fosthom Slavi, persuni ta’ orjentazzjoni differenti, soċjalisti, komunisti, nsara. 

Il-problema tibqa’ ċara. Fejn huma l-messaġġi biex tiġi skreditata l-eżistenza tal-estremiżmu u l-faxxiżmu fl-Ewropa?  Kif jibqa’ jkollna min  jagħmel il-glorifikazzjoni stupida ta ċertu figuri storiċi. 

U proprju quddiem l-indifferenza li hawn jibqgħu jidwu l-kliem li hemm hemm fid-daħla ta’ Auschwitz anki llum. “L-ewwel ġew…imma ma kien fadal ħadd biex jitkellem għalija”. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport