Thursday, January 22, 2026

Il-qawwa tal-għaqda

Ħaddiema rappreżentati minn unjin jirreżistu tnaqqis fil-pagi u kundizzjonijiet… Jirnexxielhom jiksbu riżultati konkreti

Aqra wkoll

F’perjodu ekonomiku kkaratterizzat minn inċertezza, inflazzjoni persistenti u pressjoni dejjem tikber fuq il-pagi, eluf ta’ ħaddiema fir-Renju Unit u fl-Irlanda qegħdin juru li l-għaqda tibqa’ l-aktar arma effettiva kontra l-inġustizzji fuq il-post tax-xogħol. Dan qiegħed jidher b’mod ċar fir-rebħiet riċenti miksuba mill-membri tal-unjin “Unite”, li permezz ta’ negozjar kollettiv u azzjoni organizzata, irnexxielhom jwaqqfu tnaqqis fil-pagi, jiksbu żidiet sinifikanti u jtejbu b’mod tanġibbli l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

F’għadd ta’ setturi li jinkludu t-trasport, il-manifattura, il-loġistika u s-servizzi pubbliċi, Unite mexxiet b’suċċess negozjati intensivi f’isem il-membri tagħha. Dawn wasslu għal kisbiet ġodda li jinkludu żidiet fil-paga bażika, titjib fir-rati tal-ħin żejjed (overtime) u l-introduzzjoni ta’ jiem addizzjonali ta’ leave. F’diversi każijiet, dawn ir-riżultati ġew miksuba wara li l-ħaddiema wrew ir-rieda li joħorġu fuq strajk jekk it-talbiet leġittimi tagħhom ma jintlaqgħux.

Sorsi interni tal-unjin ikkonfermaw li f’numru ta’ negozjati l-employers ipproponew iffriżar jew saħansitra tnaqqis fil-pagi bl-argument ta’ pressjonijiet ekonomiċi globali. Madankollu, grazzi għall-għaqda u l-insistenza tal-membri u tat-tmexxija ta’ Unite, dawn il-proposti ġew irtirati u minflok saru ftehim kollettivi li jindirizzaw b’mod reali l-piż tal-inflazzjoni fuq il-ħaddiema. B’hekk, l-unjins kisbu protezzjoni reali għall-membri tagħhom kontra t-telf tal-poter tax-xiri.

Rikonoxximent aħjar tax-xogħol barra mis-sigħat normali

Partikolarment sinifikanti huwa t-titjib fil-kundizzjonijiet tal-overtime, qasam li storikament kien suġġett għal abbużi jew kundizzjonijiet mhux ċari. Ftehimiet ġodda wasslu għal rati aktar ġusti, ċarezza fil-ħinijiet u rikonoxximent aħjar tax-xogħol barra mis-sigħat normali. Dan filwaqt li f’xi setturi ddaħħlu wkoll miżuri li jsaħħu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

Dawn ir-rebħiet ifakkruna kemm ħaddiem waħdu għandu ftit setgħa mentri, meta l-ħaddiema jkunu magħquda u rappreżentati minn unjin, jinkisbu riżultati sodisfaċenti. F’kuntest usa’, dawn l-iżviluppi qegħdin jitqiesu bħala sinjal li l-unjins, minkejja l-isfidi tas-snin reċenti, għadhom kapaċi jiksbu bidla konkreta meta jkun organizzat, determinat u mmexxi minn strateġija soda. Għall-ħaddiema involuti r-rebħiet miksuba se jsarrfu f’titjib reali fil-kwalità tal-ħajja tagħhom u tal-familji tagħhom.

Hekk kif il-pressjonijiet ekonomiċi mistennija jkomplu, l-esperjenza ta’ Unite tista’ sservi bħala mudell għal unjins oħrajn. Is-solidarjetà tibqa’ l-akbar saħħa tal-ħaddiema.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport