Il-qerda sproporzjonata li Iżrael qiegħed kontinwament iwettaq f’Gaża għadha għaddejja, minkejja kundanni internazzjonali, kundanni sfortunatament u fl-opinjoni tiegħi, ta’ diskors biss. Fir-realtà Iżrael għadu għaddej bil-ġenoċidju tal-poplu Palestinjan. Iżrael fil-verità, taħt skuża jew oħra, irid jeqred lill-poplu Palestinjan biex ikomplu jeħodlu minn artu wara li ilu jokkupalu ħafna minnha għal diversi snin.
Iżrael, magħruf għall-kapaċitajiet militari tiegħu u mgħejjun b’armamenti minn diversi pajjiżi, ewlenin fosthom l-Istati Uniti tal-Amerika, xorta jikkommetti dak li hu jsejjaħ ‘żbalji militari’. Xorta jattakka u jfarrak postijiet li ma kellhom qatt ikunu fil-mira militari. Xorta ‘bi żball’ jattakka postijiet fejn ikun hemm nies ċivili biss fosthom tfal, jittalbu u jistennew ikel u ftit ilma. Xorta jħalli l-imwiet wara ‘żbalji’ bħal dawn. Lil Iżrael tiswielu biss stqarrija ta’ suppost dispjaċir u ammissjoni ta’ ‘żball’.
U sadattant l-imwiet fost il-Palestinjani jiżdiedu bis-sigħat. Il-ħruxijiet joktru. It-tbatija u s-sofferenzi jiżdiedu. Il-qerda ta’ skejjel, sptarijiet u postijiet ċivili oħrajn tkompli għaddejja qisu m’hu qed jiġri xejn. Sadattant id-dinja simpatizzanti għat-tbatijiet li l-Lhud sofrew taħt il-Ġermanja Nażista tul it-Tieni Gwerra Dinjija ma tħarisx bl-istess mod lejn dak li qed iwettaq Iżrael f’Gaża, anke jekk huwa xi ħaġa simili. Ftit ‘kundanni’ tal-mument u l-istorja, il-ġenoċidju, ikompli.
Iżrael, intant, għadu għaddej bil-pjan imfassal mill-Ministru tad-Difiża tiegħu, Israel Katz, li jibni dak li l-Iżrael isejjaħ ‘belt umanitarja’ fost il-fdalijiet tal-bini f’belt ewlenija fil-medda ta’ Gaża, Rafah, belt li qegħda sservi bħala refuġju għal madwar 600,000 Palestinjan.
Għandu jingħad li l-komunità internazzjonali ma temminx dak li qed jgħid Iżrael dwar dan il-pjan. U l-aktar kundanna notevoli għal dan il-pjan ġiet minn ħdan Iżrael innifsu, mill-eks-Prim Ministru Iżraeljan Ehud Olmert li ddeskriva dan il-pjan bħala “strateġija għall-bini ta’ kamp ta’ konċentrament kbir fuq l-istess stil ta’ dawk li n-Nażisti bnew fit-Tieni Gwerra Dinjija”. Kundanna akbar minn din ma nafx kemm jista’ jkun hemm.
U sadattant il-Palestinjani jibqgħu jinqatlu qishom dubbien. Djarhom jibqgħu jinqerdu, bi ‘żball’ jew le. L-isptarijiet tagħhom jispiċċaw borġ ġebel. L-infrastruttura f’kull forma tagħha diżastru. Minn żmien għal żmien tinħareġ statistika ta’ kemm inqatlu tfal, nisa u xjuħ.
U suq għax sebaħ.