Is-sorveljanza ta’ wara l-programm imwettqa mill-Kummissjoni tapplika għall-Istati Membri li joħorġu minn programm ta’ aġġustament u għandha l-għan li tiżgura li dawn ikollhom il-kapaċità li jħallsu lura l-assistenza finanzjarja pprovduta. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri bdiet ix-xogħol fuq awditu li qed jeżamina t-tfassil, l-implimentazzjoni u l-effettività tas-sorveljanza ta’ wara l-programm għall-ħames Stati Membri (l-Irlanda, il-Portugall, Spanja, Ċipru u l-Greċja) li rċevew appoġġ finanzjarju wara l-kriżi finanzjarja tal-2008. L-awditu se jeżamina jekk il-Kummissjoni ħaditx miżuri rilevanti fejn kien meħtieġ biex tippermetti li dawn l-Istati Membri jżommu pożizzjoni ekonomika u finanzjarja tajba, u jekk ipprovdietx lill-kredituri b’aċċertament rigward il-kapaċità ta’ ħlas lura.
L-Istati Membri kollha tal-UE huma normalment suġġetti għas-sorveljanza standard għall-koordinazzjoni tal-politika fil-qafas tas-Semestru Ewropew. Madankollu, jekk Stat Membru jesperjenza diffikultajiet finanzjarji serji, huwa jista’ japplika għal programm ta’ assistenza finanzjarja. Wara l-kriżi finanzjarja tal-2008, dan kien il-każ għall-Irlanda, il-Portugall, Spanja, Ċipru u l-Greċja.
Fi tmiem programm ta’ appoġġ finanzjarju, l-Istat Membru jitqiegħed taħt sorveljanza ta’ wara l-programm (PPS), li tiġi implimentata flimkien mas-Semestru Ewropew. L-għan tagħha huwa li jiġi żgurat li l-Istati Membri jkunu jistgħu jħallsu lura l-għajnuna finanzjarja mogħtija, filwaqt li tiġi vvalutata kontinwament is-sitwazzjoni ekonomika, fiskali u finanzjarja tagħhom u jiġi identifikat kwalunkwe riskju għall-vijabbiltà fuq terminu medju.
“Issa li l-ekonomija globali qed tintlaqat serjament mill-pandemija tal-COVID-19, huwa importanti li nkunu nafu jekk il-pilastri tal-arkitettura ekonomika u finanzjarja tal-UE humiex tajba u effettivi”, qal Alex Brenninkmeijer, il-Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri responsabbli għall-awditu. “L-awditu tagħna se jqis ukoll l-idoneità tas-sorveljanza ta’ wara l-programm bħala għodda ta’ monitoraġġ għall-fond ta’ rkupru ekonomiku li qed jiġi diskuss bħalissa”.
L-awditu – li għandu jiġi kkompletat sa nofs l-2021 – se jeżamina b’mod partikolari jekk:
– ix-xogħol tal-Kummissjoni pprovdiex lill-kredituri b’aċċertament rigward il-kapaċità ta’ ħlas lura tal-Istati Membri;
– il-Kummissjoni kinitx siltet konklużjonijiet xierqa mill-valutazzjonijiet/analiżijiet tagħha u ħaditx miżuri rilevanti, fejn kien meħtieġ, biex l-Istati Membri kkonċernati jkunu jistgħu jżommu pożizzjoni ekonomika u finanzjarja tajba.
Sa fejn ikun possibbli, l-awdituri se jieħdu kont tal-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq il-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri u l-kapaċità tagħhom ta’ ħlas lura taħt il-PPS.
Nota lill-Edituri
Bħala konsegwenza diretta tal-kriżi ekonomika u finanzjarja tal-2008, ġew adottati mekkaniżmi speċifiċi biex jipprovdu appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri taż-żona tal-euro – il-ftehim dwar faċilità ta’ self għall-Greċja (GLF), il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF), il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbilizzazzjoni Finanzjarja (EFSM) u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES). Il-leġiżlazzjoni tal-UE li tipprovdi qafas ta’ sorveljanza u struttura ta’ governanza għall-programmi ta’ assistenza ġiet żviluppata ftit snin wara. Il-bażi ġuridika għall-PPS hija inkorporata fl-hekk imsejjaħ “Two-Pack”, li jikkonsisti mir-Regolament (UE) Nru 472/2013, li huwa l-bażi ġuridika prinċipali għas-sorveljanza ta’ wara l-programm, u r-Regolament (UE) Nru 473/2013, li jibni fuq u jikkomplementa l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST), il-qafas Ewropew għas-sorveljanza fiskali.
Dan l-awditu jikkomplementa xogħol preċedenti dwar l-assistenza finanzjarja lill-Istati Mmebri u l-governanza ekonomika tal-UEtaħt is-“Six-Pack” u t-“Two-Pack”. Barra minn hekk, il-QEA se tippubblika rapport speċjali speċifikament dwar is-Semestru Ewropew f’qasir żmien.
Il-previżjoni ta’ awditu, li ġiet ippubblikata llum, tipprovdi informazzjoni dwar kompitu tal-awditjar li għaddej bħalissa. Il-previżjonijiet ta’ awditi huma bbażati fuq xogħol ta’ tħejjija u ma għandhomx jitqiesu bħala osservazzjonijiet, konklużjonijiet jew rakkomandazzjonijiet tal-awditjar. Il-previżjoni ta’ awditu sħiħa hija disponibbli bl-Ingliż fuq www.eca.europa.eu.