Tuesday, January 7, 2025

Il-Qorti: “Il-mara kienet qed tfittex xi ftit avventura f’dik il-lejla”

Raġel mhux ħati li stupraha wara li għamlet sigħat tixrob f’Paceville

Aqra wkoll

Raġel Tork ma nstab ħati li stupra tfajla Żvediża f’Paceville wara li skont dak li ħareġ fil-Qorti għamlet lejl tixrob f’bar. Il-każ seħħ ħames snin ilu.

Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, l-Ispettur Joseph Busuttil qal li l-allegat stupru seħħ wara s-2:00 a.m fit-8 ta’ Ottubru tal-2017. Murat Durmaz kien akkużat li wettaq dan l-istupru fl-appartament tiegħu stess li kien jinsab fi Triq il-Wilġa.

Fil-Qorti ħareġ li l-vittma kienet ma’ sħabha f’dik il-lejla u għamlet sigħat “tixrob dieħla u ħierġa minn bar għall-ieħor”. 

Skont dak li xhedet il-vittma, qalet li tiftakar lil Durmaz miexi warajha x’ħin telqet lejn id-dar. Kienet hi stess li ammettiet li kienet xorbot ftit mhux ħażin u kienet għajjiena ħafna.

Fix-xhieda tagħha qalet li t-Tork kien stedina tmur l-appartament tiegħu u li fl-ebda ħin ma sfurzaha biex tagħmel dan. Hija qalet li aċċettat għax riedet ħabib ġdid. Jidher li waqt li kienet fl-appartament mat-Tork kompliet tixrob u li mbgħad kellhom x’jaqsmu sesswalment flimkien. Skont it-tfajla hi ma riditx li jkollha x’taqsam miegħu sesswalment tant li biet tgħajjat biex jieqaf.

Fis-sentenza tiegħu l-Imħallef Joe Mifsud innota bosta inkonsistenzi fix-xhieda tal-vittma. Fost dawn, il-mara tat żewġ verżjonijiet differenti lill-Pulizija dwar l-istat ta’ sakra tagħha meta seħħ l-allegat stupru.

Fatt ieħor interessanti li l-Maġistrat għamel referenza għalih kien li l-vittma kienet tiftakar sew kif kien imqassam l-appartament tat-Tork, iżda fl-istess waqt ma tafx kif spiċċat mingħajr ħwejjeġ.

Għalhekk, il-Qorti ma kkonvinċietx ruħha li l-imputat stupra lill-vittma. Għall-Qorti, “il-mara kienet qed tfittex xi ftit avventura f’dik il-lejla.”

Għall-akkużat, dehru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.

Ekonomija

Sport