Tuesday, November 26, 2024

Il-Qorti Indjana se tieħu deċiżjoni fuq żwieġ bejn persuni tal-istess sess

Aqra wkoll

Koppji tal-istess sess fl-Indja qed jistennew bil-ħerqa d-deċiżjoni mill-Qorti tal-pajjiż, dik li tista’ tillegalizza d-dritt tagħhom li jiżżewġu. Minkejja dan, l-esperti qegħdin jgħidu li l-ġudizzju favorevoli jeħtieġ reviżjonijiet leġiżlattivi minn Gvern konservattiv li jopponi bis-sħiħ din il-bidla.

Iż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess fl-Indja xorta kien u għadu jsir, iżda mhux b’mod legali. Intant midja internazzjonali irrapurtat, li madwar sentejn ilu, Supriyo Chakraborty żżewweġ lill-imħabba ta’ ħajtu, Abhay Dang. Iż-żwieġ bejn l-irġiel ma kinitx waħda legali, iżda dan ma naqasx milli l-koppja jagħmlu ċelebrazzjoni ta’ imħabba.  

Ingħad ukoll li t-tieġ kien il-qofol tal-koppja, hekk kif matul ir-relazzjoni tagħhom għaddew minn diversi sfidi, minħabba diversi raġunijiet. Fost dawn, hemm il-fatt li l-Indja huwa meqjus bħala pajjiż ferm konservattiv u li s-sess bejn koppja tal-istess sess baqa’ jitqies bħal att kriminali sa mill-2018.

Minkejja fehmiet mhux favorevoli lejn koppji tal-istess sess fl-Indja, l-attitudnijiet naqsu xi ftit matul l-aħħar għoxrin sena. Hekk kif l-aċċess għall-internet infirex fil-bidu tas-snin 2000, hekk ukoll sar l-għarfien dwar il-komunità.

F’sentenza tal-Qorti tal-pajjiż lura għall-2018, Qorti Suprema tal-Indja ddeċidiet li s-sess omosesswali ma kienx għadu reat kriminali. Bl-istess deċiżjoni li ttieħdet, maż-żmien komplew jiżdiedu iktar id-drittijiet ta’ persuni LGBTQ.

Il-progress lejn il-Qorti jista’ jidher pass ‘il quddiem fil-pajjiż. Mill-banda l-oħra, is-sitwazzjoni kif inhi bħalissa mhijiex ward u żahar. Dan hekk kif, il-Gvern u l-mexxejja reliġjużi għadhom jopponu bil-qawwa ż-żwieġ legali bejn koppji tal-istess sess.

Sport