Il-Qorti ta’ Malta tat tliet dati sabiex il-Qorti Ingliża tagħżel waħda minnhom bil-għan li ssejjaħ biex jixhed bil-video conference l-espert ewlieni fl-inkjesta Vitals, Jeremy Harbinson.
Meta lbieraħ kompla jinstema’ l-każ quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, l-Avukat Francesco Refalo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali informa lill-Qorti li kien sar kuntatt magħhom mill-awtoritajiet ġudizzjarji tar-Renju Unit bil-għan li tinstab data biex dawn jibagħtu għal Harbinson.
Bi qbil bejn il-Qorti, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-avukati tad-Difiża ġew identifikati d-19 ta’ Novembru, l-24 ta’ Novembru u t-3 ta’ Diċembru. Il-Maġistrat Montebello ordnat lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali biex kif isir jaf id-dettalji tal-post li minnu se jixhed Harbinson, jgħaddi din l-informazzjoni lill-avukati tad-difiża.
Harbinson kien l-ewwel qal li ma jistax jiġi Malta għax għandu l-mara marida, iżda ma ppreżentax ċertifikati meta mitlub jagħmel dan. Imbagħad qal li jibża’ jiġi Malta, u wara qal li m’għandux warrant biex jixhed. Mhux magħruf issa hux se jippreżenta ruħu fil-Qorti Ingliża u x’se jgħid wara li l-esperti kollha sħabu indikaw lilu bħala li kien responsabbli tar-rapport li tiegħu tħallas €11-il miljun.
Harbinson kien anki talab lill-Qorti biex ma tagħmilx kuntatt iktar miegħu għaliex skont huwa din il-pressjoni kienet qed taffettwa ħażin is-saħħa mentali tiegħu u ta’ martu.
Kien wara pressjoni qawwija mill-avukat tad-difiża li l-Qorti talbet lill-Uffiċċju tal-Avukat Generali sabiex jibda proceduri mal-awtoritajiet ġudizzjarji tar-Renju Unit, bil-għan li jsiru l-arranġamenti sabiex Jeremy Harbinson jixhed bil-video conference mir-Renju Unit.
Fuq il-bażi tar-rapport tal-inkjesta, li l-espert Irlandiż għamel xhur sħaħ jgħid li ma jridx ikollu x’jaqsam iktar miegħu, inħarġu sensiela ta’ akkużi mill-aktar serji fil-konfront ta’ numru kbir ta’ persuni, inkluż l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.