Il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet l-appell ta’ Liam Debono li sostna li kien inkiser id-dritt tiegħu għal smigħ xieraq minħabba li ma tressqux eċċezzjonijiet preliminari fil-Qorti Kriminali mill-avukat tiegħu ta’ dak iż-żmien.
Debono kien mixli li fl-2018 meta kellu biss 17-il sena kien saq karozza f’Ħal Luqa u tajjar lil Simon Schembri – uffiċjal tal-Pulizija. Hu kien tressaq il-Qorti akkużat b’attentat ta’ qtil u akkużi oħrajn.
Fil-kawża kostituzzjonali, Debono qal li ma ngħaxat l-opportunità biex iqajjem eċċezzjonijiet preliminari wara li rċieva l-att tal-akkuża f’Ġunju tal-2020 fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, u li għalhekk kien imċaħħad mid-dritt fundamentali tiegħu għal smigħ xieraq.
Qal li kien informa lill-avukat tiegħu li kellu dakinhar, iżda dan ma ppreżentax it-talbiet fil-ħin. L-ewwel Qorti kienet diġà ċaħdet din it-talba, iżda Debono appella.
Minn x-xhieda quddiem il-Qorti Kostituzzjonali ħareġ li Debono u Camilleri kienu qablu li jekk Debono jiġi notifikat, kellu jinforma lill-avukat mingħajr dewmien sabiex jitressqu l-atti meħtieġa.
Iżda l-Qorti nnotat kuntradizzjoni bejn il-verżjoni ta’ Debono u dik tal-avukat, li qal li Debono ma kienx ikkuntattjah u li meta reġa’ ltaqa’ miegħu f’Awwissu 2020, Debono qal li ma għamilx dan minħabba li ma setax iħallas.
Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li jekk verament Debono kien informa lill-avukat tiegħu, wieħed kien jistenna li jerġa’ jipprova jikkuntattjah, speċjalment fid-dawl tan-natura serja tal-akkużi. Il-Qorti qalet li kienet diffiċli temmen li l-avukat kien jibqa’ kompletament passiv jekk kien infurmat dwar l-Att tal-Akkuża, u għalhekk għażlet li temmen il-verżjoni ta’ Camilleri.
Għaldaqstant, l-appell ta’ Debono ġie miċħud u huwa ġie kkundannat iħallas l-ispejjeż. Il-Qorti Kostituzzjonali kienet ippreseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul.
Debono kien assistit mill-avukat Nicholas Mifsud, filwaqt li l-Avukat tal-Istat kien rappreżentat mill-avukat Julian Farrugia.



