Il-Qorti Kriminali Internazzjonali ħabbret li rċeviet informazzjoni affidabbli dwar l-eżistenza ta’ 11-il qabar tal-massa li nstabu madwar u fil-belt ta’ Tarhuna fil-Libja. Dawn jikkostitwixxu evidenza ta’ reati tal-gwerra u reati kontra l-umanità.
Il-Prosekutur ta’ din il-Qorti, Fatou Bensouda sejħet lill-awtoritajiet Libjani biex jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipproteġu u jassiguraw is-siti tal-oqbra tal-massa, biex jipproteġu l-integrità tagħhom għal investigazzjonijiet futuri.
Bensouda qalet li tħares ‘il quddiem biex tikkopera mal-awtoritajiet Libjani, mal-Ġnus Magħquda u mal-partijiet kollha kkonċernati, li potenzjalment se jkunu qegħdin jaħdmu biex jinvestigaw dawn l-allegati reati tal-biża’ li ġraw f’Tarhuna.