Rekordings ta’ telefonati li saru bejn Melvin Theuma u persuni oħrajn ċentrali fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech mhumiex se jkunu qed jinstemgħu fil-Qorti. Dan wara li l-Qorti rrifjutat talba li saret mid-Difiża.
Il-Qorti ddeċidiet li r-rekordings ma jistgħux jiġu esibiti fil-Qorti bħala evidenza jekk l-għan tat-talba tad-Difiża hija li tkun ikkontrollata x-xhieda ta’ Theuma.
Il-Maġistrat Rachel Montebello stipulat li l-evidenza tista’ tintalab biss wara li tinstema’ x-xhieda fil-qorti.
Ir-rekordings mitlubin mid-difiża jikkonċernaw telefonati li saru bejn Melvin Theuma, l-Avuakt Arthur Azzopardi u Edwin Brincat magħruf bħala l-Ġojja. Fir-rigward ta’ konverżazzjonijiet bejn Theuma u Azzopardi, il-Qorti qalet li l-ewwel irid ikun hemm xhieda li saru telefonati bejn it-tnejn, liema evidenza trid tiġi stabbilita mix-xhieda fil-Qorti.
Evidenza simili hija meħtieġa għal telefonati bejn Theuma u Brincat, bil-Qorti tispeċifika li l-evidenza jeħtieġ li tirriżulta minn xhieda taħt ġurament u mhux minn rekordings ta’ interrogazzjonijiet.
L-Ispetur Keith Arnaud, li qed imexxi l-Prosekuzzjoni, preċedentement kien esibixxa fil-Qorti kopji tal-interrogazzjoni tal-Pulizija ma’ Melvin Theuma f’Novembru tal-2019.
Id-Difiża kienet għamlet talba għar-rekordings bejn Edwin Brincat u l-eks-kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar. F’dan ir-rigward il-Qorti nnotat li kull evidenza li tiżvela jekk mandat kienx awtorizzat taħt l-Att tas-Servizzi Sigrieti mhijiex ammissibbli skont il-liġi.