Sunday, January 12, 2025

Il-Qorti mħassba dwar koppji anzjani fuq il-pensjoni li qed jiffaċċjaw żgumbramenti

…..liġijiet talker japplikaw l-istess kemm għal miżżewġin u kemm għal dawk f’udjoni ċivili

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Din il-Qorti ma tistax ma turix il-preokupazzjoni tagħha kif ħafna koppji, illum avvanzati fiż-żmien, b’uħud minnhom jiddependu fuq pensjoni, qed isibu lilhom infushom rinfaċċjati b’dawn ix-xorta ta’ azzjonijiet (żgumbarti minn djar mikrijin) meta fl-aħħar mill-aħħar mhux tort tagħhom għas-sitwazzjoni. Għal kull buon fini l-Qorti qed tordna li din is-Sentenza tiġi notifikata lill-Awtorità tad-Djar biex tgħin lil dawn iż-żewġ persuni meta jasal il-mument li jerġgħu jiġu bżonn saqaf fuq rashom. Fl-aħħar nett din il-Qorti tordna li din is-Sentenza tiġi notifikata lis-Sur Speaker u lil dawk il-Maġistrati li jiddeċiedu materja ta’ kera”.


Din id-dikjarazzjoni, saret f’sentenza mogħtija mill-Imħallef Toni Abela, li fiha żewġ persuni li kienu jgħixu flimkien imma mhux miżżewġin, kienu ilhom jgħixu f’dar fl-Isla sa mis-sena 1987, jiġifieri għal 34 sena, b’kera miżera ta’ Lm20.00c fis-sena, u llum bil-kera ta’ €230.20c fis-sena skont l-Att X tal-2009, li jitħallsu kull sitt xhur, kull l-1 ta’ Frar u l-1 ta’ Lulju ta’ kull sena, b’awmenti tenwi skont l-ogħli tal-ħajja.


Il-każ kellu l-bidu tiegħu wara li dawk li wirtu id-dar fejn kienu qegħdin jgħixu dawn iż-żewġ persuni fetħu każ quddiem il-Bortd li Jirregola l-Kera. Il-bord iddikjara li l-inkwilini (dawk li jgħixu fid-dar) ma jissodisfawx il-kriterju tal-kapital tat-test tal-mezzi u għaldaqstant qed ixolji l-kirja u jordnalhom jivvakaw mill-istess fond fi żmien sentejn. Dan waqt li jillikwida l-kumpens pagabbli għall-okkupazzjoni tal-fond inkwistjoni fis-somma ta’ €6,000 fis-sena.

Id-deċiżjoni li wasal għaliha l-Bord dwar it-test tal-mezzi irriżulta li Victor Schiavone kellu 71 sena waqt li martu kellha 60 sena. Il-Bord wara li ra d-dokumentazzjoni esebita irriżulta li d-dħul tagħhom fil-perjodu relevanti jiġifieri fis-sena 2020 kien jikkonsisti minn pensjoni tas-sigurtà soċjali li fit-2020 kienet fl-ammont ta’ €13,716.13.

Skond id-dikjarazzjoni tat-taxxa għas-sena 2020 it-total tad-dħul kien ta’ €14,198. Għalhekk fejn jidħol id-dħul finanzjarju huma issodisfaw tali kriterju. Biss fir-rigward għall-kapital, irriżulta li dan kien jeċċedi l-kapital stabbilit fil-liġi li hu ta’ €245,000.

Jagħmlu kawża Kostituzzjonali

Il-koppja wara d-deċiżjoni tal-bord għamlu kawża kostituzzjonali għax ħassew li s-sentenza mogħtija mill-Bord li Jirregola l-Kera nhar il-15 ta’ Lulju 2022 hija konsistenti f’diversi lanjanzi ta’ natura kostituzzjonali.

F’din il-kawża Kostituzzjonali, il-koppja arguemntat li l-Bord li Jirregola l-Kera fis-sentenza tiegħu tal-15 ta’ Lulju 2022 wasal għall-interpretazzjoni żbaljata tal-liġi, fejn huma ingħataw sentejn żmien sabiex jivvakaw mill-fond in kwistjoni, liema aġir iwassal għal ksur lampati tal-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea.

Huma argumentaw li l-proċedura adottata fir-Regolamenti dwar it-Tkomplija tal-Kirja (Kriterji ta’ Test tal-Mezzi) (L.S.16.11 tal-Liġijiet ta’ Malta), partikolarment dik applikata fil-konfront ta’ koppji miżżewġin hija waħda diskriminatorja u tikser id-drittijiet fundamentali tagħhom. Din taqra hekk: “Fil-każ li l-kerrej ikun miżżewweġ, it-test tal-mezzi għandu jinkludi d-dħul u l-kapital tal-konjuġi konġuntivament.”

Argumentaw li għalkemm huma koppja miżżewġa (tnejn min-nies), meta l-Bord li Jirregola l-Kera wasal sabiex jikkunsidra l-mezzi tagħhom, sabiex jitwettaq it-test tal-mezzi, l-assi tal-konjuġi ġew ikkunsidrati konġuntivament, ai termini tar-Reg. 9 tal-L.S. 16.11 tal-Liġijiet ta’ Malta. Jiġifieri hawn tnejn minn nies kellhom jissodisfaw l-istess kriterji tad-dħul u tal-kapital, li kieku jkollha tissodisfa persuna waħda li tgħix waħedha.

Saħqu li “din hi diskriminatorja għax il-liġi tapplika b’dan il-mod biss għal miżżewġin. Iżda f’każijiet fejn tnejn min-nies li ma jkunux miżżewġin u li jkunu jgħixu flimkien, ikunu aħwa, f’dan il-każ it-test tal-mezzi jsir separatament fuq iż-żewġ individwi, dan kif saħansitra jirriżulta mir-Reg. 8 tal-L.S.16.11 tal-Liġijiet ta’ Malta fejn jingħad hekk:

“Fejn ikun hemm diversi persuni li jkunu jippretendu l-kirja in solidum, għandu jkun biżżejjed jekk persuna waħda minnhom tissodisfa l-kondizzjonijiet dwar id-dħul u l-kapital tat-test tal-mezzi kif provdut f’dawn ir-regolamenti:”

Il-koppja innutat li r-Reg. 9 tal-L.S.16.11 tal-Liġijiet ta’ Malta tagħmel referenza espliċità għall-‘miżżewġin’ u mhux għall-‘koppji’, li għaldaqstant jagħti l-fehma li f’każ li jkun hemm koppja mhux miżżewġa iżda tinsab fi stat ta’ ko-abitazzjoni, dan ir-regolament ma jkunx applikabbli għalihom peress li maux miżżewġin, u t-test tal-mezzi jitwettaq separatament bħal każijiet ulterjuri. Għalhekk saħqu li din ir-referenza espressa għall-‘miżżewġin’ toħroġ aktar fid-deher l-element diskriminatorju ta’ dan ir-regolament.

Allegaw diskriminazzjoni

Il-Qorti fis-sentenza tagħha iddikjarat li “sidien għamlu kawża quddiem il-Bord fejn talbu li jsir l-eżami tal-mezzi. F’każ li jiġi stabbilit, kif fil-fatt ġie stabbilit, li l-koppja ma jissodisfawx dan it-test għax il-ġid tagħhom kemm dak tal-dħul finanzjarju u kif ukoll dak kapitali jeċċedi t-‘treshold’ li tistabilixxi l-liġi. Fost affarijiet oħra r-regolament jistabilixxi wkoll li f’każ li l-kerrej ikun miżżewweġ, it-test inkwistjoni għandu jinkludi wkoll id-dħul u l-kapital tal-konjuġi l-ieħor jew l-oħra.

Il-Qorti qalet li l-koppja qed targumenta li hemm diskriminazzjoni għax waqt li f’każ ta’ tnejn miżżewwġin it-test tal-mezzi jsir b’referenza għal kull dħul u kapital li t-tnejn flimkien għandhom, iżda mhux hekk fil-każ ta’ tnejn min-nies li ma jkunux flimkien iżda jkunu jgħixu flimkien u bħala eżempju jsemmu aħwa, it-test inkwistjoni jsir separatament.

Il-Qorti tgħid li ‘l-arikolu 45 tal-Kostituzzjoni jagħti definizzjoni ċara ta’ x’għandna nifhmu bil-kelma diskriminazzjoni u jgħid li “il-kelma “diskriminatorju” tfisser għoti ta’ trattament differenti lil persuni differenti attribwibbli għal kollox jew prinċipalment għad-deskrizzjoni tagħhom rispettiva skont ir-razza, post ta’ oriġini, opinjonijiet politiċi, kulur, fidi, sess, orjentazzjoni sesswali jew identità tal-ġeneru li minħabba fihom persuni ta’ deskrizzjoni waħda bħal dawn ikunu suġġetti għal inkapaċitajiet jew restrizzjonijiet li persuni ta’ deskrizzjoni oħra bħal dawn ma jkunux suġġetti għalihom jew ikunu mogħtija privileġġi jew vantaġġi li ma jkunux mogħtija lil persuni ta’ deskrizzjoni oħra bħal dawn”.

Il-Qorti qalet li “l-argument prinċipali tal-koppja huwa fis-sens, li d-disposizzjoni tal-liġi, l-assi ta’ min huwa miżżewweġ, kemm sa fejn jirrigwarda d-dħul u kif ukoll l-assi kapitali, huma meħudin konġuntivament flimkien fit-test tal-mezzi, daqs li kieku kienu persuna waħda mentri żewġ persuni li jkunu flimkien u jgħixu taħt l-istess saqaf, iżda mhux miżżewġin, ai fini tat-test tal-mezzi tkun ikkunsidrata persuna waħda.

Il-Qorti ħasbet fit-tul dwar dan. Il-Qorti hija konsapevoli, li l-istat tat-tagħlim dwar din il-vertenza huwa fis-sens, li biex jiġi skontrat ksur ta’ dan l-artikolu, min jilmenta jrid iġib il-prova li ħaddieħor, fl-istess posizzjoni tiegħu, ġie trattat b’mod differenti u aktar favorevoli. Imma din hija diskriminazzjoni tax-xorta vertikali fis-sens, diskriminazzjoni li s-sors tagħha hija sitwazzjoni emprika, fejn ikun jirriżulta li persuni fl-istess qagħda ġew trattati differentement. Però hemm xorta oħra ta’ diskriminazzjoni.

Dan meta jirriżulta lill-Qorti li liġi tkun tippermetti fuq livell anke ipotetiku li persuni fl-istess sitwazzjoni u mhux neċessarjament identiċi bil-fors iridu jkunu trattati differenti b’mod favorevoli. Issa huwa minnu, li bħala tali din il-Qorti m’għandhiex il-prova konkreta li kien hemm persuni oħrajn fl-istess pożizzjoni jew analoga, li ġew trattati differenti. Għalhekk trid issir il-mistoqsija jekk tnejn li qegħdin f’unjoni ċivili humiex ser ikunu trattati bl-istess mod għax mad-daqqa t’għajn dan jindirizza unikamement lil dawk li huma miżżewġin biss.

Il-Qorti qalet li safejn jirrigwarda koppji li qegħdin f’unjoni ċivili, artikolu 4 tal-kap 530 tal-Liġijiet ta’ Malta jiddisponi li “Ħlief kif previst f’dan l-Att, unjoni ċivili, la darba tkun reġistrata, għandha ikollha l-effetti u l-konsegwenzi li jikkorrispondu fil-liġi ta’ żwieġ ċivili magħmul skont l-Att”. (Emfażi tal-Qorti).

Dan ifisser li la darba unjoni ċivili tkun reġistrata skond il-liġi, l-effetti kollha li jġib miegħu ż-żwieġ jiġu in effett fir-rigward ta’ kull effett ieħor f’kull liġi oħra sa fejn tolqot lil min huwa miżżeweġ.

U sabiex il-leġislatur ineħħilna kull dubbju li jista’ jkollna dwar dan il-punt hu jissiġilla kollox b’artikolu 9 tal-istess liġi fejn insibu li “F’sitwazzjonijiet fejn id-drittijiet u l-obbligi tal-imsieħba ċivili m’humiex ċari, għandu jsir kull sforz biex jiġi żgurat illi d-determinazzjoni ta’ dawk id-drittijiet u l-obbligi tkun tali li tekwiparhom għal dawk li jgawdu l-konjuġi”. (Emfażi tal- Qorti). Jiġifieri anke fil-każ ta’ ħtieġa ta’ interpretazzjoni l-ġudikant għandu jagħmel kull sforz biex jikkwiparhom.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport