Friday, December 27, 2024

Il-Qorti se tisma’ mill-ġdid il-każ ta’ raġel li nstab ħati li żamm 44 kelb f’kundizzjonijiet ħżiena

Aqra wkoll

Fil-Qorti huwa mistenni li jinstema’ mill-ġdid il-każ ta’ Antonio Vella, li ġie kkundannat sentenza sospiża u multa ta’ €20,000 wara li nstab ħati li żamm 44 kelb f’kundizzjonijiet ħżiena fir-residenza tiegħu f’Birżebbuġa. Huwa kien ingħata wkoll ordi li ma jistax irabbi klieb għal 25 sena.

Il-każ imur lura għal sentejn ilu, fejn hu kien instab ħati wara li saru spezzjonijiet fid-dar ta’ Vella mill-uffiċjali mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, li sabu ħafna klieb miżmuma f’kundizzjonijiet ħżiena.

Fl-Ewwel Qorti kien intqal li l-uffiċjali li daħlu jagħmlu l-ispezzjonijiet sabu ħafna ħmieġ tal-klieb mal-art, klieb ġol gaġeġ fil-garaxx u kif ukoll klieb jiġru mad-dar kollha. L-istess uffiċjali xehdu li fil-garaxx kien hemm iktar minn gaġġa waħda u li f’kull waħda minnhom kien hemm minn tal-inqas ħamest iklieb ta’ razez differenti.

L-uffiċjali qalu fl-ewwel Qorti li l-klieb li kienu imsakkrin fil-gaġeġ kienu f’kundizzjoni agħar minndawk li kienu qegħdin jiġru mad-dar kollha. Meta l-uffiċjali staqsewh għala kellu dawk il-klieb kollha, Vella qalilhom li kien dilettant tal-konkors tal-klieb u li bihom rebaħ diversi medalji. Fl-ewwel Qorti, li kienet ippreseduta mill-Maġistrat Nadine Lia, il-Maġistrat irrimarkat li l-akkużat tilef il-kontroll dwar kif għandu jmantni lill-klieb u kkundannatu talli għamel użu minn uħud mill-klieb biex jirbaħ il-midalji.

Huwa appella mis-sentenza u saħaq li s-sentenza għandha tiġi ddikjarata nulla minħabba nuqqasijiet mill-Ewwel Qorti fosthom għax matulha ntqal għal darba, darbtejn li ma kellux jinstab ħati tal-akkuża li żamm klieb u ġegħelhom ibatu u abbandunahom, iżda aktar tard instab ħati tal-akkużi kollha fosthom ta’ din l-akkuża.

Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, innotat li mhux ċar jekk l-Ewwel Qorti sabitx ħtija fir-raġel fl-akkużi miġjuba kontrih kollha jew le. Qalet li ma tafx eżatt għal-liema imputazzjonijiet l-appellant instab ħati mill-Ewwel Qorti.

Għaldaqstant il-Qorti tal-Appell, irrevokat is-sentenza appellata u ordnat biex il-każ jerġa’ jmur quddiem l-Ewwel Qorti u tingħata sentenza mill-ġdid.

Ekonomija

Sport