Id-diskors parlamentari tal-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar nhar il-25 ta’ Novembru, kien fih diversi punti validi. Iżda jkolli ngħid li wieħed minnhom ħassibni kemmxejn: dak li l-binja tal-Qorti fiċ-Ċittadella se tiġi trasferita lill-Fondazzjoni Victoria 2031 sabiex tintuża bħala binja amministrattiva mnejn se tiġi ġestita l-applikazzjoni tal-Belt Kapitali tal-Kultura.
Li s-servizzi ġudizzjarji f’Għawdex jeħtieġu binja iktar moderna u li tilqa’ għall-ħtiġijiet tal-lum huwa fatt magħruf. Daqstant ieħor huwa leġittimu, prestiġjuż u ta’ opportunitajiet enormi li l-Belt Victoria tingħata dan it-titlu. Nieħu din l-opportunità anzi, biex nikkumplimenta lil dawk kollha li qed jagħtu sehemhom sabiex din l-inizjattiva tifruwixxi.
Għaldaqstant, bl-istess sens ta’ patrijottiżmu, ma nistax ma nirrimarkax kif waħda mill-aħħar żewġ istituzzjonijiet li ilhom bis-sede tagħhom fiċ-Ċittadella mill-anqas qabel l-1350 issa se titneħħa minn dan is-sit storiku.
Bħal kull binja oħra fiċ-Ċittadella, din il-binja għandha valur storiku tanġibbli u intanġibbli li nbena maż-żmien. Din il-binja li tħares fuq il-pjazza tal-Katidral serviet bħala d-dar tal-gvernatur u qorti. Fuq il-ħitan tagħha wieħed isib l-armi familjari ta’ bosta mill-gvernaturi ta’ żmien l-Ordni ta’ San Ġwann.
Tul il-ħakma tal-Ordni, din il-Qorti kienet preseduta minn imħallef, ħafna drabi Għawdxi, li kien jitħallas mill-istess Ordni. Hu kien jippresjedi kemm il-Qorti ċivili u dik kriminali. Hawn kienu jinstemgħu l-qrati fl-ewwel istanza. Din kienet qorti effettiva pariġġ dawk fil-Belt Valletta u l-Imdina. F’din il-Qorti kellek ukoll avukat li kien jagħmilha ta’ prosekutur fil-kawżi kriminali, nutar li kien iservi wkoll bħala reġistratur u numru ta’ uffiċjali u skrivani.
Din il-binja tidher b’isimha, Corte Governatoriale fl-iskizz ta’ Luigi Bartolo, li ġie ppublikat fil-ktieb tal-Kanonku Agius de Soldanis (1712-1770) Gozo Antico Moderno e Sacro Profano (c.1745).
Li wieħed iwaqqaf tradizzjoni bħal din, u magħha l-wirt intanġibbli li jdur magħha, fi żmien fejn għandna l-edukazzjoni u l-kuxjenza ffurmata fuq dawn l-affarijiet hija sfortuna kbira!
Nifhem li l-binja storika tattira bosta; għal skopijiet differenti. Li tneħħi l-Qorti ta’ Għawdex u l-amministrazzjoni tagħha minn din il-binja mhix xi ħaġa li naqbel magħha. Kont ġa tkellimt pubblikament meta din l-istess binja kienet ikkontemplata għal lukanda lussuża wara r-restawr taċ-Ċittadella. L-istess qed nagħmel issa… b’konsistenza.
Bl-istess spirtu nibqa’ kontra kull proposta li tnaqqar mill-kullana ta’ wirt intanġibbli. Ikun aktar denju jekk xi forma ta’ gvern reġjonali futur jokkupa din il-binja mogħnija b’tant sinifikat storiku ta’ dan il-piż.
Huwa hawnhekk li wieħed jibda jistaqsi lilu nnifsu dwar ‘il-profil kulturali ta’ belt’, l-infrastruttura kulturali, urbana u turistika u referenzi oħra li jidhru f’dokumenti sabiex wieħed japplika għal titli prestiġjużi u strateġiji. Imma rridu nifhmu xi rridu.
Dan il-patrimonju ma ġiex mgħoddi lilna sabiex niddisponu minnu kif u meta nixtiequ. Dak ġie mgħoddi lilna minn ta’ qabilna biex nikkonservawh u ngħożżuh. Huwa obbligu morali fin-natura umana tagħna li ngħadduh lil ta’ warajna bl-aħjar mod.
L-istorja hija għalliema, imma wkoll imħallef għax tiġġudika bla ma tħares lejn wiċċ ħadd, speċjalment meta tiġi biex tagħmel għajb lil min ikun naqas minn dmiru.

