Mohamed Ali Ahmed Elmushraty, magħruf bħala Lilu King, ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €40,000.
Hu kien inżamm arrestat f’Ottubru tas-sena l-oħra wara li kien ġie mixli li kiser id ta’ raġel u anke kiser il-kundizzjonijiet imposti fuqu b’rabta ma’ tliet każijiet oħrajn.
Dakinhar hu kien mixli li weġġa’ gravi u hedded raġel liema inċident kien seħħ f’Tas-Sliema. Ma’ dan hu kien akkużat ukoll li kiser il-paċi pubblika u anke l-kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti.
Kien f’Jannar li għadda meta hu kien ingħata l-ħelsien mill-arrest iżda l-Avukat Ġenerali kien appella minn din id-deċiżjoni u kien rebaħ il-każ quddiem il-Qorti Kriminali.
Il-Qorti qalet li hu qiegħed jerġa’ jingħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet fosthom li jiffirma l-Għassa darbtejn kuljum.
Ġie ordnat biex jgħix f’residenza f’Ħaż-Żebbuġ u biex jinġabar id-dar f’ċertu ħinijiet. Ma’ dan il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni għall-vittma u ordni ta’ supervizzjoni fuq l-akkużat.
Il-ħelsien mill-arrest ingaħta fuq depożitu ta’ €40,000 u garanzija personali ta’ €200,000.
Il-Qorti kienet ippreseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo u għall-akkużat dehru l-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Jose Herrera.