Tuesday, December 3, 2024

Il-Qorti tal-Appell ċaħdet il-maġġoranza tat-talbiet tal-PN

… tiddikjara li l-Avukat tal-Istat għandu s-setgħa jiddeċiedi jaġixxix jew le indipendentement minn kull awtorità governattiva

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Appell iddeċidiet li l-Avukat tal-Istat m’għandu jkun suġġett għad-direzzjoni jew għall-kontroll ta’ ebda persuna jew awtorità oħra. Id-deċiżjoni jmexxix jew le tittieħed mill-Avukat tal-Istat waħdu u ebda awtorità ma tindaħħalu f’dik id-deċiżjoni. 

Il-Qorti tal-Appell tat din id-deċiżjoni f’kawża li fetaħ il-Partit Nazzjonalista biex l-Avukat tal-Istat jaġixxi biex jirkupra l-€400 miljun b’rabta mal-konċessjoni tat-tliet sptarijiet lil Vitals u Stewards. 

Fl-istess waqt, il-Qorti rriformat is-sentenza appellata billi qalet li l-Avukat tal-Istat għandu s-setgħa li jaġixxi b’mod indipendenti minn kull direzzjoni governattiva kontra dawk li għandhom obbligazzjoni ta’ restituzzjoni fil-kuntest tar-rexissjoni tal-kuntratt tal-isptarijiet imsemmija fis-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2023. 

Sadanittant, fi stqarrija, il-Gvern innota kif il-Qorti tal-Appell iddisponiet mill-appell li ressaq il-Kap tal-Oppożizzjoni billi ċaħdet il-maġġoranza assoluta u l-pern tat-talbiet imressqa minnu f’din il-kawża. B’mod partikolari it-talba ġuramentata tiegħu biex il-Qorti tal-Appell tiddikjara biex is-sentenza tagħha tat-23 t’Ottubru 2023 dwar il-konċessjonijiet tal-Isptarijiet, kienet tat direzzjoni u awtorizzazzjoni lill-Avukat tal-Istat biex jaġixxi kontra terzi.

Il-Qorti tal-Appell ma laqgħetx lanqas it-talbiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni fejn talab dikjarazzjoni li l-Avukat tal-Istat kien taħt dmir illi jaġixxi aktar minn dak li għamel sa issa, u l-Qorti qalet limitatament li l-Membri Parlamentari kollha kif ukoll l-Avukat tal-Istat għandhom is-setgħa mogħtija lilhom li jaġixxu biss taħt l-Att dwar l-Artijiet tal-Gvern u fil-parametri stretti u fil-konfront ta’ min isemmi l-Att.

Dawn l-azzjonijiet il-Gvern ta’ Malta, rappreżentat mill-Avukat tal-Istat, diġà ressaq xhur twal ilu fil-proċeduri tal-Arbitraġġ Internazzjonali biex jiddefendi l-interess tal-pajjiż, u fejn ittieħed ukoll il-kontroll lura tal-isptarijiet qabel is-sentenza finali.

Il-Qorti tal-Appell ċaħdet ukoll it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni li l-Avukat tal-Istat għandu d-dritt li jaġixxi b’mod awtonomu mid-direzzjoni tal-Gvern sakemm ma jkunx hemm liġi li tagħtih is-setgħa speċifika u limitata, bħal f’dan il-każ.

Il-Qorti tal-Appell innutat ukoll ir-raġunijiet li ngħataw mill-Avukat tal-Istat biex ma jressaqx azzjonijiet duppliċi ulterjuri, u appellat biex dawn ir-raġunijiet ikun għaqli li jqishom ukoll kull min bħall-Avukat tal-Istat, jiġifieri l-Membri Parlamentari, għandhom is-setgħa li jaġixxu taħt l-imsemmi Att. 

Il-Gvern innota wkoll li l-Qorti tal-Appell xejnet għalkollox u ġabet fix-xejn “id-dikjarazzjoni falza” li ressaq taħt ġurament il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, u ċioè li l-Prim Ministru kien instab ħati mill-Qorti tal-Appell ta’ ingann u kollużjoni ma’ Steward Healthcare.

Il-Gvern temm jinnota l-atteġġjament populista tal-Oppożizzjoni, fejn il-Kap tal-Oppożizzjoni ħareġ jiġri jkanta vittorja mingħajr ma lanqas biss analizza dak li verament qalet il-Qorti, inkluż l-appell li sar mill-Qorti għal għaqal, li għandu jkun interpretat bħala messaġġ biex ma jkunux imfixxkla u ntralċjati l-proċeduri tal-Arbitraġġ b’xi azzjoni legali biex sempliċiment jintrebaħ kapital politiku partiġġjan.

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu mal-ġurnalisti barra l-Qorti, il-Prim Ministru Robert Abela qal li dak li saħqet il-Qorti tal-Appell għandu jiġi mixtarr sew filwaqt li appella biex ma naqgħux fil-populiżmu iżda li wieħed jippreserva l-interess nazzjonali. 

Huwa qal ukol li jrid ikun aktar għaqli fil-parametri ta’ dak li qal l-Avukat tal-Istat biex ma jiġux imfixkla dawk il-proċeduri arbitrali li l-Gvern ta’ Malta mexxa ‘l quddiem numru ta’ xhur ilu.

“Dak l-għaqal huwa prudenti li wieħed jużah għax hemm proċeduri t’arbitraġġ pendenti u ninsabu fi stadju avvanzat. Il-Gvern qabbad l-aqwa timijiet legali, kemm lokali kif ukoll barranin, biex jassistuh flimkien mal-Avukat tal-Istat,” tenna l-Prim Ministru.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li “llum reġgħet rebħet Malta. Il-Qorti tal-Appell għadha kif ikkonfermat dak li ilna nitolbu aħna li l-Avukat tal-Istat għandu d-dritt u d-diskrezzjoni li jmexxi u jiftaħ il-kawża biex jinġabru l-flus tal-poplu Malti mingħajr id-direzzjoni ta’ ħadd.”

Dr Grech tenna li l-Qorti rendiet li issa l-Avukat tal-Istat jista’ jieħu l-azzjoni u jiftaħ il-kawża biex iġib dawn il-flus lura mingħajr id-direzzjoni jew indħil ta’ ħadd, lanqas tal-Qorti stess.

Ekonomija

Sport