Monday, November 18, 2024

Il-Qorti tal-Appell tikkonferma sentenza ta’ 40 sena ħabs lill-aħwa Degiorgio

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat is-sentenza ta’ 40 sena ħabs mogħtija lill-aħwa George u Alfred Degiorgio għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan wara li l-Qorti ċaħditilhom l-appell. 

F’Ottubru tas-sena li għaddiet, George Degiorgio ta’ 59 sena, magħruf bħala ċ-Ċiniż u ħuh Alfred Degiorgio ta’ 57 sena, magħruf bħala il-Fulu, kienu ġew ikkundannati 40 sena u ordnati jħallsu €42,930 kull wieħed fi spejjeż legali għas-sehem tagħhom fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-aħwa kienu wieġbu ħatja meta beda l-ġuri tagħhom.Fil-Qorti ingħad li ġimagħtejn wara, iż-żewġt aħwa ressqu appell, u talbu sabiex il-kawża tinstema’ mill-ġdid. L-appell kien ippreżentat mill-avukati l-ġodda tal-aħwa Degiorgio, Noel Bianco u Leslie Cuschieri, li sostnew li l-avukati tal-għajnuna legali maħtura biex jirrappreżentaw lill-aħwa fil-ġuri ma kellhomx żmien biżżejjed biex jaraw il-provi. 

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Joseph R. Micallef u Giovanni M. Grixti, innutat li l-avukati tal-għajnuna legali li tqabbdu biex jassistu lill-aħwa Degiorgio fil-ġuri tagħhom kellhom aktar minn 40 jum ċans biex jippreparaw għall-każ, aktar mid-doppju tal-perjodu stabbilit fil-liġi.

Il-Qorti ċaħdet ukoll it-talba li kien għamel Alfred Degiorgio meta qal li ma kienx f’pożizzjoni ta’ saħħa tajba meta ammetta l-akkużi dwar il-każ. Fl-istess waqt li l-Qorti nnutat li l-eżami mediku rriżulta li Alfred Degiorgio ma kellu l-ebda problema mentali. 

Kien għal dawn ir-raġunijiet li l-Qorti ċaħdet it-talbiet tal-aħwa Deigorgio u kkonfermat is-sentenza li kienet ingħatat ta’ 40 sena ħabs. 

Ekonomija

Sport