Thursday, February 26, 2026

Il-Qorti tal-Appell tillibera raġel minn akkuża ta’ traffikar ta’ kokaina lil tfajla ta’ 13-il sena

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Appell Kriminali nhar il-Ħamis ħelset lil Ayrton Bugeja minn sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi u multa ta’ €2,000 wara li kkonkludiet li x-xhieda ewlenija ma kinitx “sigura u sodisfatta”.

Bugeja kien instab ħati mill-Qorti tal-Magistrati f’Ġunju 2025 fejn hu pprokura kokaina lil tfajla ta’ 13-il sena bejn l-24 u l-25 ta’ Ġunju 2016 f’Paceville. Huwa kien ġie kkundannat għal sentejn priġunerija sospiżi għal tliet snin u multa ta’ €2,000.

Madankollu, f’sentenza mogħtija nhar il-Ħamis, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera irrevokat id-deċiżjoni tal-ewwel qorti u lliberat lil Bugeja minn kull imputazzjoni.

Skont l-akkuża, Bugeja allegatament forna jew offra li jforni kokaina lil vittma li dak iż-żmien kellha 13-il sena, f’diversi ħinijiet ta’ billejl bejn l-24 ta’ Ġunju 2016 u l-għada, 25 ta’ Ġunju f’Paceville.

Il-każ ħareġ wara li t-tifla ddaħħlet l-Isptar Mater Dei għall-ħabta tal-11.30am tal-25 ta’ Ġunju, b’suspett ta’ overdose.

Hija allegat mal-pulizija li kienet iltaqgħet ma’ Bugeja f’stabbiliment f’Paceville u li dan kien tah ammont sostanzjali ta’ kokaina, allegatament sa 16-il “linja”, li kienu kkunsmaw flimkien fit-toilet.

Bugeja dejjem ċaħad l-akkużi. Fl-istqarrija tiegħu lill-pulizija u fix-xhieda tiegħu fil-Qorti, huwa sostna li ltaqa’ mat-tfajla għall-ewwel darba dik il-lejla, li kien raha tidħol u toħroġ mit-toilet, iżda li qatt ma taha droga u lanqas ma kkunsma hu stess.

Xhieda kontradittorja
Filwaqt li l-ewwel qorti sabet lil Bugeja ħati ta’ traffikar, inkluż l-aggravju ta’ “trafficking by sharing”, il-Qorti tal-Appell għamlet analiżi dettaljata tax-xhieda tal-vittma.

Fis-sentenza tagħha, l-Imħallef osservat li x-xhieda tat-tfajla kienet tinkludi diversi inkonsistenzi u kontradizzjonijiet sostanzjali. Fosthom, il-fatt li f’xhieda preċedenti kienet semmiet li kkunsmat id-droga ma’ persuni oħra, inkluż raġel adult, iżda aktar tard insistiet li kienet ma’ Bugeja biss.

Il-Qorti nnotat ukoll li x-xhud kienet bidlet il-verżjoni tagħha dwar l-ammont ta’ droga kkunsmata, u ammettiet li kienet “tefgħet għal sieqha” ċertu dettalji. F’punt minnhom, hija qalet li ma kinitx taf eżatt kemm ħadet droga u li assumiet li kien ammont kbir minħabba li spiċċat l-isptar.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti qieset li l-verżjoni ta’ Bugeja baqgħet konsistenti kemm fl-istqarrija tiegħu kif ukoll fix-xhieda viva voce,

Deċiżjoni finali
Filwaqt li enfasizzat l-importanza tal-evalwazzjoni tal-kredibbiltà tax-xhieda skont l-Artikolu 637 tal-Kodiċi Kriminali, il-Qorti qalet li ma setgħetx tqis ix-xhieda tal-allegata vittma bħala waħda li tilħaq il-livell meħtieġ ta’ ċertezza f’kawża kriminali.

“Din il-Qorti thoss li x-xhieda tal-appellant għandha iktar mis-sewwa minn dik mogħtija mill-allegata vittma,” qalet l-Imħallef, li kkonkludiet li s-sentenza tal-ewwel qorti ma kinitx “sigura u sodisfatta”.

Għaldaqstant, l-appell ġie milqugħ, is-sentenza revokata, u Bugeja ġie lliberat minn kull imputazzjoni u piena.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport