Wednesday, October 15, 2025

Il-Qorti tal-Appell tirrifjuta l-eżekuzzjoni ta’ sentenza mill-Istati Uniti għal $740 miljun fi spejjeż ta’ malafama

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Appell, preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Robert G. Mangion u Grazio Mercieca, tat sentenza storika meta ma laqgħetx talba għal rikonoxximent ta’ sentenza tal-Qorti tal-Istati Uniti li ordnat ħlas “astronomiku” ta’ $740 miljun f’danni għal każ ta’ malafama.

Il-każ jikkonċerna sentenza ta’ Florida mill-2020 dwar kawża ta’ malafama mressqa minn Tork Mehmet Tatlici kontra ħuh stess, Ugur Tatlici.

F’dan il-każ, ir-rikorrent Mehmet Tatlici talab lill-Qrati Maltin jirrikonoxxu u jinfurzaw sentenza mill-Qrati ta’ Florida, li ordnat lill-konvenut Ugur Tatlici li jħallas $740 miljun f’danni ta’ malafama.

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kienet ċaħdet it-talba tar-rikorrent fit-13 ta’ Frar 2025 iżda r-rikorrent appella minn dik is-sentenza. 

Kawża tal-Qorti tal-Appell

L-appell jikkonċerna deċiżjoni tal-Ewwel Qorti li ma teżegwixxix sentenza barranija maħruġa minn Qorti Amerikana. Il-proċedimenti oriġinali saru fil-Qorti (15th Circuit) fl-Istat ta’ Florida, l-Istati Uniti (Mehmet Tatlici u Craig Downs v. Ugur Tatlici), li matulu b’verdett tal-ġurija wassal għal ordni li tikkundanna lil Ugor iħallas lil Mehmet is-somma ta’ $740 miljun (€653,932,000) għal danni ta’ malafama.

F’Malta, Mehmet talab lill-Qrati biex jeżegwixxu s-sentenza ta’ Florida sabiex ikun jista’ jipproċedi kontra l-assi ta’ Ugor, li kien is-sid benefiċjarju aħħari (UBO) tal-kumpanija Mayna Limited u Contra Limited. 

L-Ewwel Qorti f’Malta kienet irrifjutat l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ Florida, prinċipalment minħabba li deċiżjoni bħal din kienet kuntrarja għall-ordni pubbliku jew għal-liġi pubblika interna ta’ Malta kontra s-SLAPPs u minħabba d-danni “astronomiċi” mitluba. 

L-aktar argument kritiku u ta’ suċċess kien il-fatt li l-kwantum ta’ $740 miljun ta’ danni għal malafama kien imur kontra l-liġi pubblika interna jew l-ordni pubbliku ta’ Malta, li għalihom l-Ewwel Qorti sabet li danni bħal dawn imorru kontra l-prinċipji bażiċi tal-ġustizzja naturali. 

Il-Qorti tal-Appell innotat li d-Direttiva SLAPP tal-UE msemmija mill-Ewwel Qorti, ma kinitx applikabbli għal dan il-każ, peress li ġiet ippromulgata aktar tard u l-partijiet kienu individwi li ma jaqgħux taħt il-kategoriji protetti tad-direttiva, bħal ġurnalisti jew NGOs.

Iżda l-kwistjoni ewlenija kienet jekk id-danni ta’ $740 miljun għall-malafama kisirx il-liġi pubblika interna ta’ Malta. Il-Qorti tal-Appell ikkonstatat li l-appellant, Mehmet Tatlici, kien naqas serjament milli jipprova li s-somma astronomika kienet tirrappreżenta “danni reali” kif huwa sostna.

Għalhekk, hija qablet mal-Ewwel Qorti li l-għoti ta’ US$740 miljun għal danni morali minħabba malafama kienet manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliu Malti. 

Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat is-sentenza tal-Ewwel Qorti, u ddeċidiet li s-sentenza mill-Qorti ta’ Florida m’għandhiex tiġi eżegwita fil-ġuriżdizzjoni Maltija. 

L-Imħallfin qablu wkoll mar-raġunament tal-Ewwel Qorti li dan it-tip ta’ deterrenza pekunarja enormi jimmina l-bilanċ legali Malti u li l-infurzar ta’ tali sentenza “tkun qed tħalli li jidħol mit-tieqa dak li l-Istat Malti ma jridx jidħol mill-bieb għax altrimenti kull ċittadin Malti jista’ jkun espost għall-proċeduri fl-Istati Uniti jekk ikun każ ta’ fehma espressa on line jew fuq xi sit elettroniku u li b’kawża t’hekk issir kawża kontra persuna Maltija ġewwa l-Istati Uniti.” 

Il-Qorti tal-Appell tenniet li normalment tirrikonoxxa u tinforza sentenzi barranin, soġġetti għal kunsiderazzjonijiet ta’ ordni pubbliku. Għal danni għall-malafama, is-sistema leġiżlattiva Maltija tipprova ssib bilanċ bejn id-dritt ta’ persuna li tipproteġi r-reputazzjoni tagħha, u d-dritt għal-libertà tal-espressjoni. 

Il-Qorti kkonkludiet li tali ammont għoli ta’ danni għall-malafama kien manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliku u għad-dritt pubbliku intern ta’ Malta, peress li jhedded il-bażi nfisha tal-libertà tal-espressjoni u huwa sproporzjonat għal dak li tippermetti l-liġi Maltija f’każijiet ta’ malafama. 

Ugur Tatlici kien irrappreżentat f’Malta mill-Avukati Dr Douglas Aquilina u Dr Mark Attard Montalto.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport