Il-Qorti tal-Familja għandha rwol kruċjali fis-soċjetà Maltija. Hija l-post fejn jiġu deċiżi l-aktar kwistjonijiet sensittivi li jolqtu lin-nies: separazzjonijiet, divorzji, kustodja tat-tfal, manutenzjoni, vjolenza domestika u relazzjonijiet familjari miksura. Dawn mhumiex każijiet ordinarji; huma każijiet li jħallu impatt dirett u profond fuq il-ħajja emozzjonali, psikoloġika u soċjali tal-individwi involuti, speċjalment it-tfal.
Madankollu, għal snin twal, il-Qorti tal-Familja f’Malta kienet sinonima ma’ dewmien eċċessiv, strutturi limitati u ambjent li spiss ma jirriflettix is-sensittività tas-suġġett li fih jiġu trattati dawn il-każijiet. Rapporti fil-midja u esperjenzi ta’ bosta familji juru stampa ċara: każijiet li jdumu snin biex jinqatgħu, seduti li jiġu posposti ripetutament, u proċeduri li jkomplu jtawlu t-tbatija ta’ dawk li diġà qegħdin jgħixu f’qagħda emozzjonali diffiċli.
Il-problema tad-dewmien mhix biss kwistjoni ta’ effiċjenza amministrattiva. Id-dewmien fil-każijiet tal-familja jfisser tfal li jibqgħu mwaħħlin f’sitwazzjonijiet ta’ inċertezza, ġenituri li ma jafux fejn qegħdin legalment, u relazzjonijiet familjari li jkomplu jmorru għall-agħar minflok jiġu solvuti b’mod ċar u ġust. Meta ġustizzja tittardja, tkun ġustizzja miċħuda.
Barra minn hekk, l-ambjent fiżiku li fih jinstemgħu dawn il-każijiet qajjem kritika serja. Il-Qorti tal-Familja, minkejja separata, tinsab viċin wisq il-bini tal-Qrati kriminali, bi spazji ristretti, b’korriduri u spazji mhux adattati għal tfal jew persuni vulnerabbli. Mhux rari li tfal li jkunu qegħdin jistennew biex jinstemgħu f’kawża ta’ kustodja jsibu ruħhom viċin spazju ta’ persuni akkużati b’reati serji. Dan mhux biss huwa inadegwat, iżda jista’ jkun ta’ detriment psikoloġiku ukoll.
F’diversi artikli u rapporti li dehru fil-midja matul is-snin, tqajmet il-kwistjoni li l-Qorti tal-Familja teħtieġ ambjent separat, aktar uman, aktar privat u aktar adattat għan-natura delikata tal-każijiet li tisma’. Il-messaġġ huwa wieħed ċar: mhux biżżejjed li jkollna liġi tajba jekk il-qafas fejn tiġi applikata ma jirrispettax id-dinjità ta’ dawk li jkunu quddiem il-qorti.
F’dan il-kuntest, ir-riforma tal-Qorti tal-Familja ilha “long overdue”. U hawnhekk tidħol dimensjoni politika u istituzzjonali importanti: qed ngħixu f’pajjiż immexxi minn gvern li jiddeskrivi lilu nnifsu bħala gvern riformista. Gvern li matul is-snin mexxa riformi kbar f’diversi setturi; mis-servizzi soċjali, għas-saħħa mentali, sal-ugwaljanza u d-drittijiet ċivili.
Il-fatt li r-riforma tal-Qorti tal-Familja qed tiġi rikonoxxuta bħala prijorità juri maturità politika. Juri li l-Istat qed jagħraf li s-sistema attwali mhijiex biżżejjed u li hemm bżonn bidla strutturali u mhux sempliċement soluzzjonijiet temporanji.
Id-dikjarazzjoni li għamel il-Prim Ministru Robert Abela ftit tal-jiem ilu dwar il-ħtieġa ta’ riforma fil-Qorti tal-Familja ma tistax titqies bħala kumment politiku vojt. Hija sinjal li hemm rieda politika biex jinbidel mudell li ilu juri l-limiti tiegħu. Hija wkoll konferma li dan hu gvern li mhux jibża’ jieħu deċiżjonijiet diffiċli, important u bżonnjużi fejn hemm bżonn.
Iżda r-riforma, biex tkun vera u effettiva, trid tkun riforma strutturata u mfassla sew. Ma tistax tkun sempliċiment tibdil fil-bini jew żieda fil-ġudikanti. Għandha tkun bidla fil-mod kif nifhmu l-ġustizzja tal-familja, u jien konvint li l-Ministru konċernat se jkun qed jagħmel dan.
L-ewwel pilastru ta’ riforma serja għandu jkun ambjent adattat. Qorti tal-Familja għandha tkun fi spazju separat, b’kmamar li jkunu child-friendly, b’żoni ta’ stennija li jirrispettaw il-privatezza, u b’ambjent li jnaqqas kemm jista’ jkun it-tensjoni. Il-qorti m’għandhiex tkun biss post ta’ deċiżjoni legali, iżda wkoll spazju li jifhem il-vulnerabbiltà ta’ dawk li jidħlu fiha.
It-tieni pilastru għandu jkun ir-riżorsi umani. Riforma vera tfisser aktar imħallfin speċjalizzati fil-qasam tal-familja, aktar psikologi, social workers, u esperti fil-benesseri tat-tfal li jaħdmu id f’id mas-sistema ġudizzjarja. Il-każijiet tal-familja ma jistgħux jiġu trattati bl-istess mentalità ta’ kawża kummerċjali jew kriminali. Huma jeħtieġu taħriġ speċifiku u sensittività partikolari.
It-tielet pilastru għandu jkun il-proċeduri. Hemm bżonn mekkaniżmi li jnaqqsu d-dewmien: aktar medjazzjoni, skedi aktar stretti, u sistemi diġitali li jħaffu l-proċess. Il-ġlied fil-qorti m’għandux ikun l-ewwel għażla, iżda l-aħħar waħda. Soluzzjonijiet alternattivi, fejn possibbli, għandhom jiġu mħeġġa b’mod strutturat.
Min għandu jkun involut f’din ir-riforma? Mhux biss il-gvern u l-ġudikatura. Iridu jkunu involuti wkoll l-avukati, l-għaqdiet li jaħdmu mat-tfal, is-social workers, l-psikologi, u anke dawk li għaddew minn esperjenza diretta mal-Qorti tal-Familja. Riforma magħmula minn fuq għal isfel, mingħajr smigħ ta’ min hu fuq il-post u fis-sitwazzjoni, tkun riforma nieqsa minn kull element uman.
Dan il-proċess għandu jimmira għal sistema aktar trasparenti, aktar oġġettiva u, fuq kollox, aktar ġusta. Trasparenti fis-sens li n-nies jifhmu x’inhuma l-proċeduri u kemm idumu. Oġġettiva fis-sens li d-deċiżjonijiet ikunu bbażati fuq kriterji ċari u mhux fuq interpretazzjonijiet inkonsistenti. U ġusta fis-sens li tpoġġi l-aħjar interess tat-tfal u tal-persuni vulnerabbli fiċ-ċentru tagħha.
Riforma bħal din se ġġib benefiċċji wkoll għall-avukati u għall-professjonisti legali. Ambjent aktar organizzat, proċeduri aktar ċari u sistemi aktar effiċjenti jfissru inqas frustrazzjoni, inqas każijiet imkaxkra bla bżonn, u aktar rispett lejn ir-rwol tagħhom bħala parti mill-ġustizzja. Avukat li jaħdem f’sistema li taħdem huwa avukat li jista’ jservi aħjar lill-klijent tiegħu.
Fl-aħħar mill-aħħar, ir-riforma tal-Qorti tal-Familja mhijiex kwistjoni teknika jew amministrattiva. Hija kwistjoni ta’ valuri. Turi kif pajjiż jara t-tfal tiegħu, il-familji tiegħu u l-ġustizzja tiegħu. Jekk tassew nemmnu f’soċjetà li tpoġġi l-bniedem fiċ-ċentru, allura rridu sistema li tirrifletti dan fil-prattika, mhux biss fil-kliem.
Il-mument politiku li qed ngħixu fih jagħti opportunità rari: opportunità li sistema li ilha tiġi kkritikata tiġi rranġata b’mod serju. Issa l-isfida hi li din ir-rieda politika tinbidel f’azzjoni konkreta, f’riforma magħmula b’viżjoni u b’kuraġġ.
Il-Qorti tal-Familja tista’ u għandha tkun simbolu ta’ ġustizzja umana, mhux ta’ dewmien u frustrazzjoni. U jekk din ir-riforma ssir kif suppost, mhux biss se ttejjeb sistema partikolari, iżda se tibgħat messaġġ ċar li f’Malta l-ġustizzja tal-familja tittieħed bis-serjetà.



