Għat-tieni darba, il-Qorti ordnat biex Daniel Meli jingħata l-ħelsien mill-arrest u ma jiġix estradit lejn l-Istati Uniti.
Meli residenti Ħaż-Żabbar u għandu 28 sena qiegħed jiġi mfittex mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti b’rabta ma’ investigazzjoni fuq allegat reati li twettqu fuq l-internet. Huwa qiegħed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi b’rabta ma’ hacking, fosthom li biegħ malware illegali fuq id-dark web u ta servizzi ta’ mentoring fuq dak li jissejjaħ hack forum.
Kienu l-Awtoritajiet tal-Istati Uniti li talbu lil dawk Maltin biex Meli jiġi estradit biex iwieġeb għal reati li allegatament twettqu bejn Diċembru, 2012 u Ġunju, 2022. Hu kien ġie arrestat fi Frar tas-sena li għaddiet wara ħidma konġunta bejn il-Pulizija Maltija u l-FBI.
Fil-bidu tal-proċeduri, Meli kien aċċetta li jiġi estradit lejn l-Istati Uniti, iżda imbagħad talab biex din tiġi miċħuda.
Permezz tal-avukati l-ġodda tiegħu huwa kien argumenta li ma kienx fi stat tajjeb ta’ saħħa mentali meta ta l-kunsens. Hu kien fetaħ ukoll każ kostituzzjonali u eventwalment kienet ġiet emendata l-liġi li tagħti ċans lill-persuni inkonċernati jibdlu l-ħsieb tagħhom. Il-każ kien reġa’ beda mill-bidu.
Kien fit-12 ta’ Mejju li għadda meta l-Qorti ordnat biex Meli ma jiġix estradit għax il-prosekuzzjoni ma kinitx ressqet biżżejjed evidenza skont dak mitlub mil-liġi Maltija. Madankollu, l-Avukat Ġenerali kien appella mid-deċiżjoni tal-Qorti li waqqfet l-estradizzjoni ta’ Daniel Meli lejn l-Istati Uniti.
Imbagħad f’Lulju li għadda, il-Qorti tal-Appell Kriminali kien ordnat biex il-każ ta’ Meli jerġa’ jinstema mill-ġdid. L-Imħallef Giovanni Grixti, li sema’ l-appell, kien laqa’ t-talba tal-Avukat Ġenerali. Huwa kien qal li l-Qorti tal-Maġistrati ma kinitx korretta meta ma kkunsidratx id-dokumenti kollha mressqa mill-prosekuzzjoni.
Kien għalhekk li l-Imħallef kien ħassar is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati u ordna li l-każ jerġa’ jinstema’ mill-ġdid waqt li Meli jibqa’ taħt ħelsien mill-arrest.
Illum, il-Maġistrat Elaine Rizzo, ikkonfermat li ma kienx hemm bażi biex Meli jiġi estradit lejn l-Istati Uniti.
Meli qed jidher assistit mill-Avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi u Lennox Vella.
L-avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, Daphne Baldacchino, Sean Xerri De Caro u Maria Zerafa Le-Gros flimkien mas-Supretendent Mario Cuschieri mexxew il-prosekuzzjoni.