Monday, March 10, 2025

Il-Qorti tiċħad 3 talbiet tal-Avukat Jason Azzopardi għal inkjesti dwar il-Ministru Clint Camilleri

Aqra wkoll

Il-Maġistrat Brigitte Sultana mill-Qorti t’Għawdex ċaħdet 3 talbiet għal inkjesti li kienu saru mill-Avukat Jason Azzopardi. It-talbiet tal-Inkjesti kienu waħda marbuta mal-pixxina ta’ Għawdex, oħra dwar xogħol fi triq fin-Nadur u oħra dwar irmiġġi fil-Port tal-Imġarr.

Fit-talba għall-inkjesta dwar il-pixxina ta’ Għawdex, Azzopardi kien allega li kien hemm korruzzjoni u ħasil ta’ flus. Kien għalhekk li talab lill-Qorti biex jiġu investigati l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għal Għawdex John Borg.

Dwar it-tieni talba għall-inkjesta, Dr Azzopardi kien allega li fil-proġett tat-triq fin-Nadur kien hemm ħasil ta’ flus u għalhekk kien ukoll talab lill-Qorti biex tinvestiga lill-Ministru Camilleri flimkien mal-periti Godwin Agius u Andrew Ellul u John Borg.

Imbgħad dwar it-talba għall-inkjesta dwar l-irmiġġi fil-Port tal-Imġarr, kien talab lill-Qorti biex mill-ġdid jiġi investiga l-Ministru għal Għawdex flimkien ma’ martu Deborah Camilleri. Kien talab ukoll li ssir investigazzjoni dwar  Christoph Caruana, Anthony Caruana u Marcel Meilaq minħabba allegat korruzzjoni.

Min-naħa tagħha l-Maġistrat Sultana qalet li fit-talbiet ma ġewx sodisfatti r-rekwiżiti kollha meħtieġa biex isiru l-inkjesti. Kien għalhekk li sostniet li għalkemm hemm it-talba li tiġi ppreservata l-evidenza naqas li jindika traċċi jew ħjiel ta’ din l-evidenza.

Il-Qorti qalet ukoll li fl-ebda talba ma ġie indikat ir-rabta bejn il-persuni msemmija li allegatament wettqu dak imsemmi. Qalet ukoll  l-informazzjoni miġjuba mingaħnd terzi u mgħoddija lill-Avukat Azzopardi fil-vesti ta’ avukat hija informazzjoni anonima u għalhekk ma tistax titqies bħala evidenza lanqas sal-livell tal-prima facie.

Għalhekk il-Maġistrat Sultana ċaħdet it-talbiet tal-Avukat Azzopardi u l-inkjesti mhux se jkunu qegħdin isiru.

L-Avukat Arthur Azzopardi deher għal Godwin Agius, l-Stephen Tonna Lowell għall-Ministru Camilleri u martu Deborah, l-Avukat Matthew Xuereb għall-Perit Andrew Ellul u l-Avukat Charles Mercieca għas-Segretarju Permanenti John Borg.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport