Illum, il-Maġistrat Jean Paul Grech, f’digriet li ħareġ ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Hassane Soutra, Marokkin ta’ 53 sena li fost l-oħrajn jinsab mixli li f’inċident li seħħ fil-21 ta’ Diċembru li għadda weġġa’ gravi ħames persuni.
Ilbieraħ quddiem l-istess Maġistrat bdiet tinstema l-kumpilazzjoni fejn fost l-oħrajn il-Prosekuzzjoni ressqet lix-xhud ewlieni li qiegħed jgħid li kien hu li waqqaf lil Soutra milli jkompli jsuq.
Fi tmiem is-seduta, l-avukati difensuri Anthea Bonnici Zammit u Delilah Vella għamlu talba għall-ħelsien mill-arrest, bil-prosekuzzjoni toġġezzjona. Il-Maġistrat Grech qal li kien se jagħti digriet l-Erbgħa kif fil-fatt għamel.
Hu ċaħda t-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq diversi raġunjijiet u ordna li l-Marokkin jibqa’ jinżamm arrestat.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Keith Xerri. L-Avukati Anthea Bonnici Zammit u Delilah Vella dehru għall-imputat filwaqt li l-Avukati Francesca Zarb, Lennox Vella, Robert Spiteri u Ilenia Agius Debono dehru għall-vittmi.




