Il-Qorti ċaħdet rikors tal-Avukat Jason Azzopardi għall-ftuħ ta’ inkjesta Maġisterjali fil-konfront tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet Robert Vella dwar ċertu “deals” li skont hu kienu kontroversjali.
Fir-rikors tiegħu, l-Avukat Azzopardi kien ippreżenta diversi artikli li kienu dehru fuq portals elettroniċi tal-aħbarijet li kienu jittrattaw “deals” li fihom kienet involuta bħala parti l-imsemmija Awtorità.
Min-naħa tiegħu, Robert Vella oġġezzjona li tinfetaħ l-inkjesta fejn argumenta fost oħrajn li t-talba ta’ Azzopardi kienet “legalment improponibbli” u li dan ma kellu l-ebda prova konkreta iżda bbaża d-denunzja tiegħu fuq dak li sejħilhom “konġetturi msejsa fuq opinjonijiet soġġettivi ta’ ħaddeħor.”
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Philip Galea Farrugia qalet li ma kinux sodisfatti l-prerekwiżiti meħtieġa kollha biex tinfetaħ din l-inkjesta, u għaldaqstant ċaħdet it-talba ta’ Jason Azzopardi.
B’reazzjoni fuq Facebook, l-Avukat Azzopardi qal li huwa qatt ma kellu garanzija li kull talba li kienet se tintlaqa’ proprju għaliex “il-livell ta’ prova li ċittadin irid jilħaq huwa għoli ferm”. Fl-istess waqt, fakkar li dan kien rikors wieħed minn ħamsa li ppreżenta xahar ilu.