Il-ġuri dwar il-qtil f’Tas-Sliema se jkompli għaddej wara li l-Qorti ċaħdet it-talba ta’ wieħed miż-żewġ akkużati biex jiġu sospiżi dawn il-proċeduri.
Daniel Muka u Viktor Dragomanski jinsabu akkużati b’akkużi relatati mal-qtil ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski f’Awwissu tal-2020. Huma qed iwieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Fil-bidu tal-ġuri, Muka kien informa lil-Qorti li l-Avukat ġdid tiegħu, li qabbad riċentament biex jassistih, ma kellux biżżejjed ħin biex jipprepara d-Difiża.
It-Tlieta li għadda, l-Avukat ġdid tiegħu, Dr Mario Mifsud, kien għamel talba lill-Qorti, anke fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili (Ġurisdizzjoni Kostituzzjonali), biex jingħata aktar ħin biex jifli sew il-każ. Din it-talba ma ġietx milqugħa mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras li quddiemha qed jinstema’ l-ġuri, u kien f’dan il-mument li l-Avukat Mifsud irrinunzja milli jkompli jiddefendi lil Muka.
Kien hawn li Muka beda jgħajjat u jinsisti biex ikun assistit minn Avukat, minkejja li ngħata Avukat tal-Għajnuna Legali.
Il-Ħamis, il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Henri Mizzi, semgħet is-sottomissjonijiet dwar it-talba ta’ Muka biex jiġi pospost il-ġuri. L-Avukat tiegħu nsista li Muka kien fi “żvantaġġ” hekk kif ma setax jiġi assistit minn Avukat tal-għażla tiegħu.
Sadanittant, l-Avukati Julian Farrugia u Maurizio Cordina, li qed jidhru f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, qalu li l-ġuri diġà kien pospost darbtejn minħabba tilwim li kellu mal-Avukati tiegħu.
Ilbieraħ, il-Qorti ċaħdet it-talba ta’ Muka peress li ma sabitx provi biżżejjed li juru li nkiser id-dritt ta’ Muka għal smigħ xieraq.
Filwaqt li rrikonoxxiet li l-Avukat Mifsud kellu biss tlitt ijiem ċans biex jipprepara għall-ġuri, il-Qorti qalet li d-dritt li jiddefendi lilu nnifsu kien jappartjeni lill-akkużat, mhux lill-avukat. Dan filwaqt li saħqet li l-akkużat kien ingħata żmien biżżejjed biex ifittex avukat tal-għażla tiegħu.