Sunday, December 22, 2024

Il-Qorti tiddeplora kif familja kellha tirrikorri għall-Qorti wara żball ċar tad-Direttur tar-Reġistru Pubbliku

Aqra wkoll

Minn żmien għal żmien nisimgħu b’każijiet fejn il-burokrazija, ir-riġida tar-regolamenti jew kif jiġu interpretati l-liġijiet minn uffiċjali pubbliċi jwasslu għal
inkonvenjenzi għaċ-ċittadini milquta.

F’xi każi l-istess ċittadini jkollhom jagħmlu spejjeż sostanzjali u dan billi jiftħu rikorsi fil-Qorti. Każ simili kien il-każ li fetħet Mary u bina Michael Abramczyk.
Huma spiċċaw marru l-Qorti minħabba li żball fil-kunjom tal-iben fuq iċ-ċertifikat
tat-twelid baqa’ ma ġiex korrett.

L-iżball kien jirrigwarda ittra waħda, fejn il-kunjom Abramczyk inkiteb bħala
Abramezyk. Il-Qorti ddeplorat l-aġir tad-Direttur fejn dan ġie ordnat iħallas l-ispejjeż kollha. Il-Qorti ddikjarat li “tqis li ladarba kien jidher ċar l-iżball daparti tad-Direttur, il-Qorti tiddeplora l-fatt li l-każ wasal sal-punt li kellu jsir rikors lil
din il-Qorti u ma ġiex solvut b’mod amministrattiv.”

L-omm iddikjarat li hi żżewġet fi Frar tas-sena 1978 fil-Belt Valletta u sena u xahar wara twieled it-tifel. Waqt li lomm u binha sostnew li kien hemm żball kif huwa miktub il-kunjom tal-iben fuċ iċ-ċertifikat tat-twelid, id-Direttur tar-Reġistru Pubbliku insista li ma sar ebda żball meta ġie rreġistrat l-att tat-twelid inkwistjoni.

Il-Qorti qalet li rat id-dokumentazzjoni fosthom il-kopja tal-karta tal-identità Maltija ta’ MaryAbramczyk li turi l-kunjom inkwistjoni miktub b’mod korrett u l-kopja tal-karta tal-identità Ġermaniża ta’ Michael Abramczyk li wkoll
turi l-kunjom miktub b’mod korrett.

Rat ukoll li ċ-ċertifikat tal-mewt ta’ missier ittifel juri wkoll li l-kunjom jinkiteb bħala ‘Abramczyk’. Il-Qorti qalet li rat l-affidavit ta’ Mary Abramczyk u ta’ Michael Abramczyk fejn it-tnejn jinsistu li l-iżball fiċ-ċertifikat tat-twelid inkwistjoni ma sarx minnhom jew mill-missier iżda kien riżultat tal-kaligrafija ta’ min oriġinarjament kiteb iċ-ċertifikat oriġinali u kif dan konsegwentement ġie interpretat u mdaħħal fis-sistema.

Il-Qorti rat il-kopji tal-atti oriġinali esebiti u tqis li ma hemm l-ebda dubju li
l-kaligrafija użata fiż-żewġ ċertifikati faċilment tagħti lok għall-iżball li flok l-ittra
‘c’ wieħed jaħseb li nkitbet l-ittra ‘e’ in vista li min mela dawn iċ-ċertifikati kemm dak taż-żwieġ kif ukoll dak tattwelid inzerta jikteb l-ittra ‘c’ b’dawra fil-parti ta’ fuq
tagħha tant li tidher li tista’ tkun hemm l-ittra ‘c’ kif ukoll l-ittra ‘e’.

Tant dan seta’ jwassal għal żball li fiċ-ċertifikat taż-żwieġ jidher li dan it-tidwir fl-ittra xorta ġie interpretat bħala l-ittra ‘c’ filwaqt li fiċ-ċertifikat tat-twelid dan
it-tidwir ġie interpretat bħala l-ittra ‘e’ u minn hemm ħareġ l-iżball li din il-Qorti qed tintalab li tikkoreġi.

Il-Qorti qalet li tant iċ-ċertifikat tattwelid immarkat mhux miktub b’mod ċar li fuqu stess xi persuni kellhom jerġgħu jiktbu l-ittri f’forma kapitali
sabiex suppost dan jiftiehem.

Intqal li l-Qorti hija konvinta li l-iżball kif inkiteb il-kunjom fiċ-ċertifikat tattwelid tal-iben ma seħħx konsegwenza ta’ xi nuqqas daparti tal-ġenituri tiegħu li rreġistrawh iżda konsegwenza tal-kaligrafija tal-impjegati tad-Direttur jew dawk li
rrappreżentawh u għalhekk filwaqt li t-talbiet tal-omm u l-iben jirriżultaw li huma
ġustifikati, tqis li f’dan il-każ għandu jkun id-Direttur li jagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-proċeduri.

Ekonomija

Sport