Monday, February 2, 2026

Il-Qorti tiddikjara arrest bħala wieħed invalidu f’każ ta’ allegata aggressjoni sesswali

Aqra wkoll

Il-Qorti ddikjarat l-arrest ta’ raġel li hu akkużat li wettaq aggressjoni sesswali fuq mara anzjana bħala invalidu. Dan wara li l-istess Qorti waslet għall-konklużjoni li l-pulizija arrestatu mingħajr mandat f’ċirkostanzi li ma kinux jippermettu dan skont il-liġi.

Waqt li kien qiegħed jitressaq il-Qorti, l-Ispettur Clayton Camilleri li mexxa l-Prosekuzzjoni spjega li nhar il-Ġimgħa li għaddiet għall-ħabta tal-11.00pm, anzjana ta’ 65 sena kienet marret l-għassa tal-Mosta fejn għamlet rapport fuq raġel Sirjan ta’ 50 sena. 

Qalet li s-Sirjan kien jgħix fid-dar tagħha, iżda kien tefagħha fuq is-sufan u beda jħokk il-partijiet privati tiegħu magħha kontra r-rieda tagħha.

Fir-rapport tagħha l-mara qalet li l-imputat u raġel ieħor kienu bdew jikru żewġt ikmamar fid-dar tagħha. Qalet ukoll li r-raġel l-ieħor kien bagħtilha messaġġi sesswali, iżda dan ma ġiex arrestat.

L-anzjana qalet lill-Pulizija li fil-lejl tal-allegata aggressjoni sesswali, l-akkużat talabha biex tgħannqu u, meta hi rrifjutat, waddabha fuq is-sufan, niżżlilha l-qalziet u beda jħokk il-ġenitali tiegħu magħha. Il-pulizija marru fir-residenza tal-mara u arrestaw lir-raġel f’nofsillejl.

L-imputat ċaħad l-akkużi kollha filwaqt li qal li hu u r-raġel l-ieħor kienu ilhom jgħixu fid-dar mal-allegat vittma għal żmien qasir kif ukoll kellhom €50 kera pendenti.

Fil-qorti ntqal li skont l-imputat, il-mara kienet tirrabja ħafna magħhom. Kienet qaltilhom li meta jridu jużaw il-kamra tal-banju l-ewwel iridu jitolbu l-permess tagħha.

Skont l-imputat, meta ż-żewġt irġiel qalulha li riedu jitilqu mid-dar, hi allegatament qaltilhom li kellhom l-ewwel iħallsu l-flus dovuti u heddithom li tagħmel rapport lill-pulizija.

L-avukati tad-difiża Jacob Magri u Matthew Xuereb ikkontestaw l-arrest, u argumentaw li bħala regola ġenerali arrest għandu jsir b’mandat, ħlief f’ċirkostanzi speċifiċi. 

Id-difiża qalet li l-allegata aggressjoni seħħet fid-9.00p.m., u li r-rapport sar sagħtejn wara. Aktar minn hekk l-akkużat ġie arrestat f’nofsillejl mingħajr mandat, minkejja li kien għadda biżżejjed żmien biex jinkiseb wieħed.

Il-qorti qablet ma’ dan l-argument u qalet li minkejja li l-pulizija setgħu kienu taħt pressjoni ta’ ħin, ma setgħux jitbiegħdu mil-liġi u jwettqu arrest mingħajr mandat. 

Il-Maġistrat Jean Paul Grech għalhekk iddikjara l-arrest bħala wieħed invalidu.

Fil-qorti, ir-raġel ġie mixli li wettaq atti sesswali mingħajr kunsens fuq il-mara, li ssuġġettaha għal intimità fiżika, li żammha kontra r-rieda tagħha u li kkawżalha ġrieħi ħfief. Huwa ġie akkużat ukoll b’fastidju sesswali u bl-użu ħażin ta’ apparat elettroniku, u wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha.

Minħabba li l-akkużat ma baqax jinżamm taħt arrest, il-qorti ordnatlu jiffirma kull ġimgħa fl-għassa tal-pulizija.

Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Krista Spiteri Lucas mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Clayton Camilleri, filwaqt li għall-akkużat dehru l-avukati Arthur Azzopardi, Jacob Magri u Matthew Xuereb.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport