Saturday, December 14, 2024

Il-Qorti tiddikjara arrest invalidu għal Naxxari li kien akkużat li ħebb għal tifel ta’ 12-il sena

Aqra wkoll

Michel Zammit ta’ 52 sena minn Naxxar illum ġie akkużat li nhar il-Ħamis li għadda ħebb għal tifel ta’ 12-il sena wara li dan tal-aħħar beda jħabbatlu fuq il-bieb tad-dar.

Il-Prosekuzzjoni fil-Qorti qalet li t-tifel beda jħabbat b’ċajta u kien l-akkużat stess li għamel rapport dwar dan għax ħass li kien tah fastidju għax skont hu kien hemm “xi tfal li qed iħabbtu fuq il-bieb b’mod aggressiv u jaħarbu.”

Hekk kif il-pulizija kompliet tinvestiga rriżulta li l-akkużat kien għamel ġrieħi ħfief fuq it-tfel. Skont dak li ntqal fil-Qorti, raġel li kien għaddej mit-triq bil-kelb ra lill-akkużat iħebb u jagħti daqqiet lit-tifel.

L-avukat difensur Franco Debono kkontesta il-validità tal-arrest fejn fost l-oħrajn sostna li l-Maġistrat tal-għassa ma ġiex informat.

Min-naħa tagħhom il-pulizija qalu li l-arrest sar wara li l-akkużat mar l-għassa minn jeddu. Il-Qorti wara li semgħet ix-xhieda tal-Ispettur Clayton Camilleri u wara li rat l-artikolu tal-kodiċi kriminali, il-Qorti ddikjarat l-arrest bħala invalidu u mhux skont il-liġi u għalhekk ordnat il-ħelsien mill-arrest għall-akkużat.

Il-Qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni għall-protezzjoni fuq it-tifel.

Ekonomija

Sport