Il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti laqgħet it-talba tal-Gvern biex is-smigħ tal-kawża li fetħu l-BirdLife Malta dwar il-kaċċa tal-gamiema fir-Rebbiegħa tinstema qabel.
Dan ifisser li minflok fit-18 ta’ April meta kellha tinstema’ se tkun qed tinstema’ nhar il-Ġimgħa li ġejja.
Il-BirdLife kienet ressqet alba għal mandat ta’ inibizzjoni kontra l-Gvern biex ma joħroġx l-avviż legali li permezz tiegħu jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għall-gamiema, liema speċi qalet li hija kklassifikata bħala vulnerabbli.
Il-Qorti kienet laqgħet dan il-mandat u ordnat li s-smiegħ isir fit-18 ta’ April li jfisser li l-istaġun ikun diġà suppost infetaħ.
Intant l-istess Qorti ċaħdet it-talba tal-FKNK biex tkun parti mill-proċeduri tal-mandat ta’ inibizzjoni li ressqet il-BirdLife Malta.
Il-Qorti f’digriet li ħarġet matul il-ġurnata tal-lum qalet li qatt ma tista’ tilqa’ t-talba tal-FKNK minħabba li din l-għaqda m’għandha l-ebda kontroll fuq il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri li wkoll hu responsabbli mill-kaċċa fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook aktar kmieni llum ħabbar li t-talba tal-Gvern biex il-każ jinstema b’urġenza ġiet milqugħa mill-Qorti.