Thursday, December 26, 2024

Il-Qorti tilqa’ t-talba tal-Gvern biex ikun parti mill-kawża li l-PN fetaħ kontra l-Avukat tal-Istat

Aqra wkoll

L-Imħallef Toni Abela laqa’ t-talba tal-Gvern u tal-Kabinett biex ikunu parti mill-kawża li l-Partit Nazzjonalista fetaħ kontra l-Avukat tal-Istat dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet.

Kien f’Jannar li għadda meta l-Gvern ressaq rikors quddiem il-Qorti fejn talab biex ikun parti mill-kawża li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u d-Deputat Adrian Delia fetħu kontra l-Avukat tal-Istat. Huma qegħdin jitolbu biex jirkupraw il-fondi li qalu li kienu ffrodati fil-ftehim għat-tmexxija ta’ tliet sptarijiet pubbliċi minn Vitals u Steward.

Il-Qorti se tkun qed tisma’ l-provi fit-13 ta’ Marzu li ġej fejn diġà l-Avukat tal-Istat iddikjara li se jkun hemm għas-seduta.

Fir-rikors li ressaq il-Gvern qal li hu kien qed jitlob biex ikun parti minn dik il-kawża biex jassigura li l-Qorti tagħti widen għal dak li jrid jgħid il-Gvern kif ukoll biex ikun f’pożizzjoni li jressaq is-sottomissjonijiet tiegħu f’din il-kawża.

Il-Gvern qal li din il-kawża hija waħda perikoluża għax mhux biss jista’ jinħoloq preġudizzju fil-konfront ta’ pajjiżna li bħalissa għaddej minn arbitraġġ internazzjonali fuq il-kwistjoni tal-istparijiet, imma qal li għandha wkoll rammifikazzjonijiet kostituzzjonali u demokratiċi għax tipprova tiżvesti lill-eżekuttiv tal-pajjiż mir-responsabbiltajiet li ġew fdati lilu mill-elettorat Malti f’elezzjoni ġenerali.

Il-Partit Nazzjonalista kien oġġezzjona li l-Gvern ikun parti minn din il-kawża minħabba li skont huma l-Gvern kien qiegħed ikompli juri li ma jridx iġib lura l-€400 miljun li qal li ngħataw għalxejn lil Vitals u Steward.

Ekonomija

1 kumment

  1. Onor Dr Delia meta se tinduna li grech u l bella kpumpanija qed juzawk.Insejt li dawn in nies bil kap bkollox hadmu kontrik biex nehhewk minn kap tal pn.

Comments are closed.

Sport