Monday, May 12, 2025

Il-Qorti tilqa’ talba tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat

Aqra wkoll

Il-Magistrat Rachel Montebello laqgħet it-talba tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat biex messaġġi u informazzjoni fuq il-mobile personali tiegħu ma jispiċċawx għand terzi persuni u mxandra mill-media.

Nhar l-Erbgħa tal-ġimgħa li għaddiet l-Avukat Vince Galea, li qed jidher għal Dr Muscat, informa lill-Maġistrat Montebello li l-messaġġi fil-mobile ta’ Dr Muscat huma ta’ natura personali u relatati max-xogħol tiegħu. L-Avukat Galea kien spjega illi waqt li l-eks Prim Ministru m’għandux problema b’dawn il-messaġġi, fl-istess ħin dawn huma għalkollox irrilevanti għall-akkużi li hemm fil-Qorti.

Ghaldaqstant talab sabiex ikun żgurat illi dawn il-messaġġi ma jispiċċawx għand terzi persuni u l-Qorti ntalbet tassigura li dan ma jiġrix. Il-Qorti intalbet ukoll tordna illi d-data li kienet estratta mill-mobile ta’ Dr Muscat ma tiġi bl-ebda mod imxandra fil-mezzi tal-media u jekk isir dan min jippubvlika xi ħaġa, ikun suġġett għal disprezz lejn l-awtorità tal-Qorti.

L-Avukat Galea fakkar illi waqt li kienet hħddeja l-inkjesta kien hemm żvelar u ghalhekk il-Qorti kellha tiehu decizjoni li torbot anki lil min ma hux involut fil-kawza. Fis-seduta ta’ nhar l-Erbgha l-avukati difensuri l-oħra qalu illi la għandhom bżonn il-messaġġi mill-mobile ta’ Dr Muscat u lanqas se jitolbuhom.

F’digriet li tat dalgħodu l-Magistrat Montebello qalet illi d-dritt għall-informazzjoni u l-libertà tal-espressjoni tal-individwu kif ukoll tal-midja ma jista’ qatt jirbaħ fuq id-dritt għal smigħ xieraq fil-Qorti. Żiedet illi huwa wkoll leġittimu li jiġu imposti miżuri, fosthom projbizzjonijiet, biex jiġi evitat ksur ta’ jeddijiet fondamentali tal-persuna akkużata u biex titħares l-integrità tal-investigazzjonijiet u tal-proċess kriminali.

Il-Maġistrat sahqet illi l-Qorti għandha dmir li tħares l-interess tal-aħjar amministrazzjoni tal-ġustizzja fil-proċeduri quddiemha. Għaldaqstant laqgħet it-talba li saret minn Dr Muscat u ordnat id-divjet tal-iżvelar u l-pubblikazzjoni tad-dokumenti kollha li jiffurmaw parti mill-atti tal-proċess inkluż id-data diġitali kollha estrapolata minn apparati elettroniċi li nqabdu matul l-inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet. Kull ksur ta’ dan id-divjet se jkun qiegħed jitqies bħala disprezz lejn l-awtorità tal-Qorti, u jittieħdu l-passi skont il-liġi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport