Il-qorti kompliet tisma’ x-xhieda fi proċeduri relatati ma’ ordni ta’ ffriżar u konfiska marbuta mal-każ tal-konċessjoni tat-tliet sptarijiet.
Matul is-smigħ, ingħatat ix-xhieda minn Dorothy Brown, il-likwidatur ta’ Harbinson Forensics, permezz ta’ konnessjoni awdjoviżiva. Hi semmiet li l-proċess ta’ likwidazzjoni beda fil-11 ta’ Ottubru 2024 u ntemm fil-21 ta’ Frar 2026, meta l-kumpanija uffiċjalment ġiet xolta. Il-kumpanija kienet titmexxa mill-ispeċjalista fl-investigazzjoni tal-Vitals, Jermey Harbinson, flimkien ma’ martu.
Dorothy Brown qalet lill-qorti li l-kumpanija waqfet mill-operat tagħha wara li lestiet ix-xogħol kollu li kienet ingħatat biex twettaq. Spjegat ukoll li meta nħatret bħala likwidatur, ma kien hemm l-ebda talbiet pendenti kontra l-kumpanija.
Meta d-difiża staqsiet dwar fejn jinsab Harbinson, Dorothy Brown qalet li ma tafx fejn jinsab bħalissa u nnotat li l-aħħar komunikazzjoni tagħha miegħu kienet fit-18 ta’ Novembru 2025.
Il-qorti semgħet ukoll li €91,971 tħallsu lil Harbinson u lil martu, bil-flus ittrasferiti fil-kontijiet bankarji tagħhom fir-Renju Unit fis-16 ta’ Ottubru 2024. Dorothy Brown qalet li d-deċiżjoni li l-kumpanija tiġi xolta kienet ittieħdet aktar kmieni fl-2024 minn Harbinson u martu.
Tqajmu wkoll mistoqsijiet mill-qorti dwar data marbuta mal-investigazzjoni tal-Vitals, fejn Dorothy Brown ikkonfermat li ngħatat istruzzjonijiet biex iżżomm id-data tal-kumpanija għal perjodu ta’ 12-il xahar minn meta l-kumpanija tiġi xolta.
Hi żiedet li jekk ikun hemm bżonn ta’ aċċess għad-dokumenti wara dan il-perjodu, trid issir applikazzjoni formali lill-likwidatur.
Il-każ kien ippresedut mill-Imħallef Edwina Grima.

