Friday, January 24, 2025

Il-Qorti titlob lill-Kummissarju jikkunsidra li joħloq proċedura biex vittmi barranin jagħtu x-xhieda tagħhom

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Maġistrati ordnat li sentenza li tat fil-konfront ta’ persuna mixli li wettaq att ta’ natura sesswali mingħajr kunsens, liema att hu ġie liberat minnu, tiġi komunikata lill-Kummissarju tal-Pulizija. Il-Qorti għamlet dan biex il-Kummissarju tal-Pulizija jikkunsidra serjament li joħloq proċedura u ittra ta’ informazzjoni uffiċjali biex vittmi ta’ kriminalità li jkunu jgħixu barra minn Malta u tkun meħtieġa x-xhieda tagħhom fi proċeduri kriminali ikunu konxji dwar il-proċedura li trid tiġi segwita. Dan biex huma jixhdu quddiem dawn il-Qrati kemm-il darba huma ma jilħqux jaghtu x-xhieda tagħhom qabel ma jitilqu minn dawn il-gżejjer.

Dan il-każ kien jirrigwarda allegat attakk ta’ natura sesswali minn din il-persuna fuq tfajla ta’ 18-il sena li kienet temporanjament qed tirrisjedi fil-hotel San Antonio. Missierha irrapporta onlajn dan l-inċident nhar is-7 ta’ Lulju tas-sena 2023 lill-Pulizija u milli jidher għamel l-istess rapport lill-management tal-lukanda.

Mix-xhieda tal-Pulizija Matthew Calleja intqal li dak iż-żmien kien stazzjonat l-għassa tal-Qawra meta irċieva rapport onlajn. Dan ir-rapport kien jgħid li fis-7 ta’ Lulju tas-sena 2023 l-vittma u l- familjari tagħha kienu qed jixorbu fil-lukanda meta kien hemm raġel li wara li spiċċa mix-xogħol offra lill-vittma li jħallsilha xi ħaġa x’tixrob. Huma bdew jimxu flimkien u f’daqqa waħda hu aggrediha sesswalment billi ipprova jbusha u jmissilha l-parti intima tagħha. Dan l-att sar minn fuq il-ħwejjeġ. Jgħid li dwar l-inċident l-ġenituri kienu kellmu lill-managers tal-lukanda. Hu kellem lill-manager tal-lukanda u ikkonferma li l-vittma u l-ġenituri tagħha kienu f’Malta bejn l-4 u l-11 ta’ Lulju tas-sena 2023. Jgħid li l-manager ikkonferma li r-raġel li wettaq l-attakk kien jaħdem fil-lukanda bħala barman.

L-Ispettur Christian Cauchi xehed li hu beda jinvestiga u ikkorisponda bl-emails ma’ missier il-vittma u mal-vittma stess fejn gie ikkonfermat li r-raġel kien mess b’mod inappropjat lill-vittma minn fuq il-ħwejjeġ meta din ma riditx. Hu arresta lir-raġel però l-dan innega li kien għamel xi att impropju jew kontra l-volontà tal-vittma. Jgħid li għal ewwel missierha kien interessat li jkompli l-kaz però wara meta spjegalu l-proċedura qal li għandu problema biex jivvjaġġa u allura beda jaqta’ qalbu. Fil-fatt qatt ma xehed ħadd f’dawn il-proceduri.7

Il-Qorti qalet li l-vittma qatt ma xhedet f’dawn il-proċeduri u l-provi iserrħu biss u b’ mod esklussiv fuq korrispondenza b’emails li għamlet il-vittma u missierha mal-Pulizija Maltija. Il-Qorti innotat li l-vittma kif ukoll il-ġenituri tagħha għalkemm għamlu r-rapport u wrew il-ħeġġa biex jipprosekwixxu kontra r-raġel qatgħu qalbhom fil-mori tal-kawża ghax ma riedux imorru jixhdu f’lok fejn setgħu jagħtu anke x-xhieda tagħhom mill-Ingilterra fejn apparentement joqogħdu.

Il-Qorti qalet li b’hekk fin-nuqqas ta’ dawn il-provi diretti jew ċirkostanzjali li setgħu biss jinġiebu permezz tat-testimonjanza tal-vittma jew tal-ġenituri tagħha, il-Qorti ma għandha l-ebda triq oħra ħlief li tillibera lir-raġel minn dak mixli bih u dan fuq nuqqas ta’ provi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport