Saturday, October 26, 2024

Il-Qorti tordna l-arrest ta’ Darren Debono “t-Topo”

Aqra wkoll

… wara li rrifjuta li jsemmi l-kompliċi fl-attentat ta’ hold up fuq il-bank HSBC fl-2010

Il-Qorti ordnat l-arrest ta’ Darren Debono magħruf bħala “t-Topo” b’rabta mal-attentat ta’ hold up fuq il-bank HSBC fl-2010.

Debono, li kien intbagħat 10 snin ħabs wara li wieġeb ħati għall-involviment tiegħu f’dan il-każ, illum issejjaħ biex jixhed fil-kawża kontra Vincent Muscat magħruf bħala “l-Koħħu”. 

Huwa kien ingħata din is-sentenza wara li d-Difiża kienet laħqet ftehim mal-Avukat Ġenerali biex jingħata piena mnaqqsa bil-patt u l-kundizzjoni li jippreżenta l-provi kollha fix-xhieda tiegħu fil-każ kontra Muscat.

Fis-seduta tal-lum quddiem il-Maġistrat Monica Vella, Debono rrifjuta milli jsemmi kompliċi oħrajn minbarra Muscat. “Għandi familja. Ma rridx inkwiet,” qal Debono. 

Il-Maġistrat Vella wissietu li huwa kellu jixhed fuq dak kollu li jaf, iżda huwa insista “se nagħti x-xhieda tiegħi kontra l-akkużat, imma mhux se nsemmi terzi persuni.”

Debono spjega fil-Qorti li huwa kien qed jistenna barra fil-vann waqt l-attentat ta’ hold-up. Huwa qal li jiftakar li kien saq minn fuq il-post meta l-Pulizija kienu barra l-bank HSBC f’Ħal Qormi.

Qal ukoll li kien ipprova jċempel lill-allegati kompliċi tiegħu biex jgħidilhom joħorġu hekk kif kienu ġejjin il-pulizija. Qal li mbagħad huwa sema’ t-tiri. “Waqt li kont qed inċempel, smajt it-tiri. Hekk kif daru l-kantuniera, sparajt tir fl-arja biex l-oħrajn jaħarbu,” qal ix-xhud.

Mistoqsi jekk l-akkużat Vince Muscat kienx wieħed mill-irġiel li daħlu ġewwa l-bank, Debono wieġeb fl-affermattiv. Mistoqsi min kienu l-oħrajn, huwa wieġeb “żewġ kompliċi oħra.”

Kien hawn fejn irrifjuta milli jsemmi min kienu dawn iż-żewġ persuni li kienu akkumpanjaw lil Muscat ġewwa l-bank. “Jekk jogħġbok, Sinjura Maġistrat, mhux se nsemmihom. Ma rridx inpoġġi ħajjet ibni fil-periklu,” qal ix-xhud.

Sussegwentement, il-Maġistrat Vella ordnat l-arrest immedjat tiegħu u ordnat ukoll lill-pulizija biex fi żmien 48 siegħa takkużah dwar in-nuqqas tiegħu milli jikkopera. “Proċeduri bħal dawn għandhom jiġu trattati b’urġenza,” saħqet il-Maġistrat. 

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukat Giannella Busuttil mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali megħjuna mill-Ispettur Joseph Mercieca. L-Avukati Franco Debono u Roberto Montalto qed jidhru għal Muscat.

Sport